IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JĦABBAR KIF FIŻ-ŻMIEN LI ĠEJ SE TKUN IMNEDIJA WHITE PAPER GĦALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR POLITIKA DWAR L-AVJAZZJONI
Waqt it-tnedija tat-tielet edizzjoni tal-BOV Aviation Outlook, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella qal li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, l-industrija tal-avjazzjoni għandha potenzjal kbir. Tant li l-Prim Ministru talab li dan is-settur jiġi elevat għal status Ministerjali.
Semma’ kif l-industrija tal-avjazzjoni għandha għeruq sodi li jmorru lura sal-1915 meta f’pajjiżna kien wasal l-ewwel ajruplan żgħir tal-baħar u li kien għamel użu mill-Port il-Kbir.
Il-Ministru Vella saħaq li l-avjazzjoni ma tikkonsistix biss f’ġarr ta’ passiġġieri u merkanzija minn u lejn Malta iżda għandha kuntest ferm aktar wiesa’ u li tista’ tiġġenera opportunitajiet kbar.
Semma’ kif fl-aħħar snin, l-industrija tal-avjazzjoni irnexxielha tatratta numru ta’ entitajiet li huma rinomati internazzjonalment u li bdew operat ġdid f’pajjiżna fosthom manutenzjoni, tiswija, reġistrazzjoni u overhaul ta’ ajruplani, twaqqif ta’ back office, riċerka u żviluppp kif ukoll produzzjoni ta’ aircraft components.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Karmenu Vella ħabbar kif inbeda l-proċess li għandu jwassal biex titwaqqaf Awtorità dwar l-Avjazzjoni (Civil Aviation Authority) flimkien ma’ Politika dwar l-Avjazzjoni (Aviation Policy). Dwar dan ħabbar kif kien nominat kumitat t’esperti li bħalissa qed jaħdem fuq draft policy u li aktar tard mistennija tkun imnedija f’‘white paper’ għall-konsultazzjoni pubblika u b’mod partikolari għal dawk kollha konċernati fis-settur tal-avjazzjoni.
“L-objettiv jibqa’ dak li jinħoloq l-ambjent adattat biex ikun hemm tkabbir u investiment f’dan is-settur” qal il-Ministru għat-Turiżmu.
Semma’ kif is-settur tal-avjazzjoni llum jinkludi niċeċ speċjalizzati fosthom ir-reġistrazzjoni tal-ajruplani, taħriġ tal-bdoti, ground handling kif ukoll it-twaqqif ta’ Malta bħala hub tal-avjazzjoni li timxi fuq l-istess linji tal-Malta Freeport u li toffri mhux biss kunċett ta’ hub bl-ajru imma wkoll hub bejn l-ajru u l-baħar.
“Huwa propju għal dan il-għan li Malta għandu jkollha politika dwar l-avjazzjoni sabiex il-gvern ikun jista’ jaġixxi u biex is-settur privat ikun jista’ jiġi mgħejjun jisfrutta dawn l-opportunitajiet f’mod koordinat” temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella.
Waqt l-istess attività il-Ministru Karmenu Vella preżenta wkoll premju ta’ Lifetime Achievement Award li mar għand is-Sur Ray Polidano, Direttur tal-Malta Aviation Museum.
Ingħataw ukoll premjijiet oħra għall-Aviator of the Year u Leader of the Year.
Sadanittant, kienet imnedija wkoll it-tielet edizzjoni tal-Airnews Malta Special, li tikkonsisti fi tmien paġni dwar is-settur tal-avjazzjoni lokali u li qed ikunu ppublikati fil-magazine World Air News, pubblikazzjoni informattiva internazzjonali dwar il-qasam tal-avjazzjoni u li ilha tkun ippublikata għal aktar minn erbgħin sena sħaħ madwar l-Afrika.
Dawn il-paġni jagħtu ħarsa aktar mill-viċin lejn kif evolva s-settur fl-aħħar tnax-il xahar u jservu ta’ riklam b’saħħtu għall-industrija lokali tal-avjazzjoni.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en