STRUTTURI ĠODDA LI JGĦINU LILL-BENEFFIĊJARJI FIT-TWETTIQ TA’ PROĠETTI LI JKUNU ĠEW IFFINANZJATI MILL-FONDI EWROPEJ
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej sostna li fl-ewwel jiem tiegħu f’din il-kariga jinħass il-bżonn ta’ strutturi li jgħinu lid-Dipartimenti tal-Gvern, Għaqdiet Non-Governattivi u l-industrija privata li permezz tagħhom jiġu ggwidati fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej. Dan sostnih waqt żjara li huwa għamel dalgħodu fil-fabbrika tal-Construct Furniture.
L-Onor. Borg qal li l-ewwel xahrejn ta’ Gvern ġdid għallmuna x’kienu n-nuqqasijiet li permezz tagħhom, benefiċarji varji kellhom problemi fil-proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej u li setgħu jwasslu biex ċertu fondi għal pajjżna jintilfu. Nemmnu li l-benefiċjarju għandu jkollu l-għajnuna kollha biex iwettaq il-proġetti tiegħu b’suċċess u dan il-Gvern ġdid jinsab iddeterminat biex dan isir.
Dr. Borg qal li proġetti għall-intraprizi jiġu minn skemi li tkun applikat għalihom il-Malta Enterprise, però jidher ċar li la l-Malta Enterprise u lanqas il-PPCD ma huma attrezzati biżżejjed biex jagħtu l-għajnuna neċċesarja lill-intraprizi konċernati fl-implimentazzjoni tal-progetti. Iż-żewġ entitajiet jagħmlu l-almu kollu tagħhom fl-istadju ta’ l-applikazzjoni però, wara li l-proġett ikun approvat, il-benefiċarju jsib li jrid jaqdef waħdu f’baħar ta’ burokrazija u regolamentazzjoni.
Fl-ewwel ġranet minn meta beda jopera s-Segretarjat Parlementari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Dr. Borg qal li ltaqa’ ma diversi każi fejn kumpaniji żgħar u oħrajn ikbar kienu f’riskju li jitilfu l-fondi Ewropej fuq diversi proġetti minħabba li qatt ma kienu ggwidati dwar ir-regolamenti Ewropej. Kieku ma kienx għall-intervent dirett mis-Segretarjat li hu qiegħed immexxi dawn il-fondi setgħu jintiflu.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li eżempju ta’ dan kollu huma ż-żewg proġetti li l-Construct Furniture bbenefikat minnhom: l-International Competitiveness Grant Scheme u l-Innovation Actions Grant Scheme. Din il-kumpanija ħabtet wiċċha ma’ diffikultajiet waqt l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti u kellha taqdef waħidha biex jiġu solvuti. Huwa qal li bi pjaċir illum jista’ jikkonferma li l-maġġoranza tal-fondi li applikat għalihom din il-kumpanija, issa huma salvati.
Fl-aħħarnett Dr. Borg tenna li is-Segretarjat tiegħu se jkompli jagħmel l-almu tiegħu ħalli din l-għajnuna meħtiġa fil-futur tkun in-norma u mhux l-eċċezzjoni biex b’hekk nassiguraw li nassistu lil kull min ikun qiegħed jaffaċja xi problemi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en