“LE GĦALL-ISTUPRU TAS-SIĠAR” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT IĦABBAR INIZJATTIVI GĦALL-ĦARSIEN TAS-SIĠAR
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ħidma li qed issir mill-Ministeru biex jiġu mħarsa s-siġar u jiġi indirizzat l-iżbir ħażin u bla kontrol li qed ikun hawn.
Messaġġ ewlieni u sempliċi li għadda l-Ministru Leo Brincat huwa Le għall-istupru tas-siġar.
Il-Ministru Brincat ħabbar li ġimgħat ilu huwa waqqaf ad hoc working group bla ħlas, li l-iskop tiegħu huwa li dan jagħmel suġġerimenti prattiċi lill-Gvern dwar kif jista’ jitwaqqaf l-istupru tas-siġar li jinsab għaddej bħalissa. L-ad hoc working group huwa kompost minn Alfred E. Baldacchino, Charles F. Grech, Steve Borg, Anna Spiteri u Pamela Hansen.
Il-Ministru spjega li dan il-grupp diġà ltaqa’ diversi drabi u għamel ħafna ħidma fejjieda, filwaqt li ser jintensifika xogħlu fil-ġimgħat li ġejjin. Ta’ dan huwa rringrazzjahom.
Il-Ministru Leo Brincat kompla jgħid li l-Avviż Legali Numru 12 tas-sena 2001 kien iddgħajjef, bit-tneħħija ta’ provvediment li jħares is-siġar f’postijiet urbani. Qal li huwa filwaqt li m’għandu ebda ħsieb li jxekkel ħidmiet ekonomiċi fil-pajjiż, lanqas huwa lest li jħalli lil min jagħmel qliegħ illeċitu, bi prattiċi li jmorru kontra l-ħarsien tas-siġar.
Qal li hemm urġenza li titfassal struttura li twassal għal pjan t’azzjoni fuq skala nazzjonali għall-masġarija, kif ukoll bżonn ta’ pjan t’azzjoni li jidentifika l-poteri ta’ regolatur effettiv tal-masġarija u l-prattika tal-operaturi.
Biex dan iseħħ qal il-Ministru Brincat, hemm bżonn li tissaħħaħ il-bażi legali u li tkun tħares lejn tliet aspetti, dak ekoloġiku, dak soċjali u dak finanzjarju, kif ukoll oqsma amministrattivi, legali u edukattivi.
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Leo Brincat qal li huwa jrid jiżgura li l-Parks Division, li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu, jżżomm osservanza sħiħa u stretta ma’ dawn il-prinċipji l-ħin kollu.
Qal li mhux aċċettabli l-mod kif ċertu operaturi, nies fil-qasam tal-landscaping u anke xi Kunsilli Lokali kienu qed jittrattaw is-siġar. Dan ħafna drabi kien anke qed iwassal għall-qerda ta’ pjanti indiġeni.
Sostna li għalkemm l-iżbir ħażin u bla kontroll ta’ siġar ser jiġi regolat b’avviż legali, huwa jawgura li sakemm jgħaddi dan l-avviż legali l-partijiet kollha involuti jimxu bis-sens komun u bir-rispett għas-siġar f’pajjiżna.
Il-Ministru Leo Brincat ħabbar li aktar ’il quddiem qabel joħroġ l-avviż legali, l-ad hoc group ser ikun qiegħed jappella għal suġġerimenti mill-pubbliku dwar dan il-qasam. Fl-istess waqt il-Ministeru għandu l-ħsieb li jorganizza seminar dwar il-ħarsien tas-siġar, li għalih ser ikun mistieden il-pubbliku flimkien mal-istakeholders kollha, inklużi operaturi ekonomiċi u Kunsilli Lokali.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en