STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem 2013, l-E.T. Dott. George Abela, President ta’ Malta, laqa’ għandu fil-Palazz tal-Verdala lil rappreżentanti tal-Unions kollha fil-pajjiż kif ukoll lill-uffiċjali u membri tal-MCESD u rappreżentanti tal-MEUSAC u rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u soċjetà ċivili. Kienu mistiedna wkoll Membri miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati.
F’diskors qasir il-President ta’ Malta tkellem kemm hu essenzjali f’dan l-istaġun ta’ żvilupp f’pajjiżna in vista wkoll tal-klima ekonomika fl-Ewropa u ż-żona Ewro, li d-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet Industrijali jitħaddmu f’armonija biex tinkiseb il-paċi Industrijali u l-progress ekonomiku. Trid tiġi evitata kemm jistà jkun il-konfrontazzjoni u jinstabu s-soluzzjonijiet negozjati fuq il-komprensjoni bejn l-imsieħba soċjali kollha, inkluż il-Gvern ħalli jintlaħaq il-kompromess flok l-intransiġenza. B’hekk niżguraw żvilupp ekonomiku, jiġu assigurati l-postijiet tax-xogħol, jinħoloq ix-xogħol u tikber il-ġustizzja soċjali li hi l-għan ewlieni tas-soċjetà tagħna.
Il-President George Abela saħaq illi l-ebda ħaddiem f’Malta m’għandu jiġi mċaħħad mill-kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol inkluż il-paga adegwata u deherlu kemm kien f’waqtu li qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa u tiġi indirizzata l-kwistjoni tax-xogħol prekarju. X’jikkostitwixxi xogħol prekarju hemm bżonn li jiġi definit u awgura li l-imsieħba soċjali kollha u l-Gvern għandhom ikomplu jaffrontaw dan il-fenomenu biex tinstab soluzzjoni ġusta.
Il-President Abela fl-aħħar nett feraħ u awgura lil kulħadd il-ħidma t-tajba fix-xhur u s-snin li ġejjin għall-ġid ta’ pajjiżna u ħutna l-Maltin kollha.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en