STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ U L-ANZJANITÀ ATTIVA
“Inħarsu lejn l-abbiltajiet tal-individwu u mhux id-diżabbiltà”
L-Onor. Dr Franco Mercieca, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilità u l-Anzjanità Attiva saħaq li kulħadd għandu jkollu dritt li jgħix b’mod indipendenti u li jkollu impjieg li minnu jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu.
L-Onor. Mercieca qal dan illum wara nofsinhar meta ltaqa’ ma’ Corinne Grech, persuni bi bżonnijiet speċjali fl-istabbiliment Terranova, f’Santa Venera, wara li ġiet offruta impjieg mill-kumpanija Dizz Ltd, wara li l-ġurnal The Times ġibed l-attenzjoni tas-sitwazzjoni tagħha.
Waqt li faħħar dan il-ġest min-naħa tad-Diretturi tal-kumpanija Dizz Ltd, Dr Mercieca saħaq li s-soċjeta għandha tħares lejn l-abbiltajiet ta’ kull individwu u mhux lejn id-diżabbiltà. Huwa tenna li rridu nħarsu lejn l-abbiltajiet tagħhom biex waqt li jaqilgħu l-għajxien tagħhom, jibdew jgħixu b’mod indipendenti.
Dr Merċieca qal li l-istorja ta’ Corinne ġibdet l-attenzjoni tiegħu kif ukoll tal-kumpanija inkwistjoni li avviċinat lis-Segretarjat Parlamentari fejn uriet ix-xewqa tagħha li tħaddem lil Corinne.
Is-Segretarju Parlamentari qal li x-xewqa tiegħu hi li din ma tkunx okkażjoni ta’ darba, iżda li twassal għal opportunitajiet oħrajn għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Waqt li saħaq li s-settur privat permezz tal-Corporate Social Responsability għandu rwol importanti, huwa rrimarka li mhux qiegħed jiġi implimentat il-kunċett li t-2% tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu persuni b’diżabbiltà.
Waqt li ta ħajr lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ tas-servizzi li joffru lill-persuni b’diżabbiltà, fosthom dak ta’ ‘job coaching’ li jingħata lil dawk li jkollhom bżonnu, huwa qal li dan is-servizz irid jikber biex aktar persuni bi bżonnijiet speċjali jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Min-naħa tagħha Diane Izzo, waħda mid-Diretturi tal-kumpanija Dizz LTD ttamat li aktar kumpanija f’pajjiżna joffru impjiegi lill-persuni b’diżabbiltà. Hija qalet li l-impjieg li ngħatat Corinne huwa wieħed li kapaċi tagħmlu. Hija qalet ukoll li jinsabu kuntenti li l-ETC qed jgħinuha u jsegwuha biex jaraw il-bżonnijiet tagħha. Fl-istess waqt saħqet li l-kumpanija se tkunu hemmhekk warajha għax temmen li dawn in-nies għandhom ikollhom il-possibbiltajiet kif għandu kulħadd.
Min-naħa tagħha Corinne rringrazzjat lil kull min għenha biex illum wara li kienet ilha mill-2008 bla impjieg, reġgħet daħlet fid-dinja tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en