L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS JINAWGURA ESTENZJONI TAL- MARITIME SIMULATOR U JIPPREŻENTA Ċ-ĊERTIFIKATI LILL-PILOTI U LILL-ISTUDENTI
Illum l-Onor Edward Zammit Lewis, Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku inawgura estensjoni tal-Maritime Simulator fejn spjega kif is-Secondary Simulator huwa għodda essenzjali għax-xogħol tal-Piloti Marittimi, u parti biss minn sensiela ta’ investimenti oħra li l-Koperattiva tal-Piloti Marittimi għamlet fl-aħħar snin.
“Il-gżira tagħna għandha patrimonju marittimu uniku, u l-portijiet ta’ Malta huma benniena ta’ attività marittima varjata. Il-prevenzjoni ta’ inċidenti fl-ibħra tagħna hija essenzjali u kien għalhekk illi l-piloti marittimi investew b’mod qawwi fit-teknologija tas-simulators u fit-taħriġ. Dan is-simulator sekondarju huwa ddisinjat biex jikkumplimenta lis-simulator primarju u se jagħti lill-piloti l-possibilità illi jitħarrġu f’attività aktar speċjalizzata bħall-interazzjoni mat-tugboats kif ukoll għal xogħol tat-tip ship-to-ship” kompla s-Segretarju Parliamentari.
Dan l-apparat flimkien ma’ upgrades varji li saru fis-software, jinvolvi investiment ta’ ‘l fuq minn €500,000. Apparti t-taħriġ għall-piloti stess, is-simulators jintużaw biex jitħarrġu, fost l-oħrajn, il-kaptana ta’ vapuri ġodda li jkunu ser iżuru l-portijiet tagħna fuq bażi regolari, bħall-cruise liners u container ships, kif ukoll biex isiru studji fuq il-portijiet tagħna illi qabel kienu jsiru barra minn Malta.
L-Onor. Zammit Lewis kompla billi spjega li dan huwa it-tip ta’ investiment u attività b’valur miżjud li għandhom bżonn il-portijiet tagħna. Dan jikkumplimenta l-politika tal-Gvern l-Ġdid billi nkomplu niżviluppaw il-portijiet tagħna f’hub marittimu, billi nibnu fuq l-avvanzi li saru fis-snin li għaddew fil-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsaxlokk, billi nsaħħu l-attività eżistenti, u billi niżviluppaw attivitajiet marittimi ġodda li jkomplu jagħtu l-ħajja lill-portijiet tagħna li għandhom jitqiesu bħala pulmun finanzjarju għall-ekonomija tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari innota li uħud mill-istudenti ggradwaw fis-speċjalizzazjonijiet marbuta mat-tankers tal-gas likwidu u dan jikkumplimenta perfettament ix-xogħol u l-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam.
“Nemmen li jista’ jsir ħafna iktar biex pajjiżna jiżviluppa xogħol marittimu b’valur miżjud għoli, kemm xogħol ta’ servizzi u kemm xogħol ta’ natura industrijali. Nemmen ukoll li l-potenzjal tal-portijiet tagħna ghadu ftit ‘l boghod milli jkun milħuq u l-gvern tiegħi ser jaħdem bis-sħiħ flimkien mas-settur privat biex dan il-potenzjal jissarraf f’inizjattivi konkreti,” ikkonkluda l-On. Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en