FONDI AKTAR AĊĊESSIBBLI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ
Is-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u għall-Presidenza UE 2017, l-Onor. Ian Borg, laqa’ stedina li għamlitlu l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat iddiskutew kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd bil-għan li dawn iservu wkoll ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabbiltà.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-Gvern huwa kommess biex fil-programm operattiv il-ġdid, l-għaqdiet ta’ persuni b’diżabbiltà mhux biss ikunu attivi fil-proċess ta’ konsultazzjoni iżda għandhom jingħataw aktar għajnuna meta jiġu biex jissottomettu l-proġetti tagħhom.
L-Onor. Borg qal li permezz tal-European Regional Fund l-għaqdiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà bbenefikaw minn miljun Ewro fondi fl-aħħar programm operattiv, filwaqt li taħt il-European Social Fund ibbenefikaw minn madwar 14-il miljun Ewro li ssarrfu fi studji u proġetti li komplew itejbu l-kwalità ta’ ħajja li jgħixu persuni b’diżabbiltà. Matul il-perjodu 2007-2013 persuni b’diżabbiltà bbenifikaw ukoll minn 53 proġett taħt l-skemi Youth in Action u Lifelong Learning Programme.
Għalkemm l-għaqdiet li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabbiltà bbenefikaw minn dan l-ammont ta’ fondi, f’din il-laqgħa Dr. Borg wera d-diżappunt tiegħu li kien fadal 7 miljun Ewro mhux allokati meta wasalna propju fl-aħħar sena tal-programm finanzjarju. Għaldaqstant, huwa wassal il-messaġġ li Gvern ġdid fl-aħħar xahar irreaġixxa fil-ħin u infurmat li l-Ministru għall-familja u solidarjetà soċjali, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà ser ikunu qed iressqu l-proposti tagħhom sabiex dawn il-fondi jintużaw għall-ġid tal-persuni b’diżabbiltà.
Dr. Borg waqt din il-laqgħa ddiskuta wkoll mar-rappreżentanti tal-KNPD problemi li ffaċjaw l-għaqdiet waqt l-applikazzjonijiet tagħhom biex fil-futur kemm jista’ jkun dawn il-problemi jkunu evitati.
L-Onor. Borg wera l-apprezzament tiegħu lejn il-ħidma fejjieda li twettaq l-istess kummissjoni biex tara lil Malta ssir soċjetà aktar inklussiva biex b’hekk jiżdiedu aktar l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabbiltà.
Il-KNPD f’din laqgħa uriet ix-xewqa wkoll li lesta tagħti l-kontribut meħtieġ biex il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017 tkun waħda aċċessibli għal kullħadd.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en