IL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA L-ONOR. JOE MIZZI JILQA' LIS-SEGRETARJU ĠENERALI TAL-IMO
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi dalgħodu laqa’ lis-Segretarju Ġenerali tal-International Maritime Organisation (IMO), Koji Sekimizu.
Din hija t-tieni żjara uffiċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-IMO f’pajjiżna u l-ewwel waħda f’din il-leġiżlatura.
L-Onorevoli Joe Mizzi tenna l-appoġġ kontinwu tal-Gvern Malti lejn ix-xogħol tal-IMO u qal li bħala gżira f’nofs il-Mediterran, Malta minn dejjem iddependiet mill-industrija marittima u għalhekk, għandha interess qawwi f’dan is-settur.
Huwa proprju għalhekk, żied jgħid il-Ministru, li pajjiżna jsegwi mill-qrib u jinvolvi ruħu sew fix-xogħol tal-IMO.
Il-Ministru qal ukoll lir-rieda tal-Gvern Malti li jkompli jipprovdi l-appoġġ tiegħu lix-xogħol tal-IMO jidher fl-istituzzjonijiet fi ħdanha, fir-Regional Marine Pollution Emegency Response Centre u l-International Maritime Law Institute, fejn anke hawn, il-Gvern itenni li lest ikompli jipprovdi kull għajnuna possibbli.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti fir-REMPEC, il-Gvern Malti jemmen li din l-istituzzjoni għandha rwol importanti għall-protezzjoni tal-ambjent fil-Mediterran, u jemmen li huwa verament kruċjali li jinżamm dan il-livell internazzjonali. Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-kwistjoni ta’ traffikar ta’ persuni u kutrabandu, fejn qal li din hija kwistjoni li trid tiġi indirizzata minn aġenziji tal-Ġnus Magħquda u mhux mill-IMO waħedha.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-IMO, filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi talli għoġbu jilqgħu f’qasir żmien mill-ħatra tiegħu bħala Ministru, qal li japprezza ħafna l-appoġġ li l-organizzazzjoni qiegħda tingħata mill-Gvern Malti.
Għal din il-laqgħa, attenda wkoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joseph Callus kif ukoll rappreżentanti mit-taqsima marittima ta’ Transport Malta.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en