ŻJARA MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU F’MARSAXLOKK FEJN GĦADA MISTENNIJA TIBDA T-12-IL EDIZZJONI TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-LOGĦOB TAN-NAR
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella għamel żjara f’Marsaxlokk, il-post li minnu se tkun qed issir l-ewwel ħarqa tan-nar u li se tiftaħ l-ispettaklu tat-12-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar.
Akkumpanjat minn membri tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mis-Sindku ta’ Marsaxlokk Edric Micallef, il-Ministru Vella żar l-aħħar preparamenti li jinsabu għaddejjin fl-għalqa minn fejn se jkun qed jinħaraq in-nar tal-ajru.
Fost l-oħrajn huwa ltaqa’ u tkellem ma’ membri minn kmamar tan-nar Taljani flimkien mal-membri mill-kamra tan-nar Maltija Mount Carmel taż-Żurrieq li kienu qed iħejju għall-ispettaklu tal-Ġimgħa filgħaxija.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti l-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella spjega kif il-ħruq tan-nar huwa tradizzjoni li ġejja minn żmien il-Kavallieri u li maż-żmien kompliet tiżviluppa biex saret industrija li llum hija apprezzata ferm mhux biss mill-poplu Malti imma wkoll mit-turisti.
“Huwa xogħol mill-aktar professjonali li wieħed irid japprezza li ħafna minnu jsir fuq bażi volontarja” żied il-Ministru Vella.
B’referenza għall-protest ġudizzjarju li tressaq fil-qorti minn sid ta’ gabbana f’Għajn Tuffieħa, il-Ministru Karmenu Vella qal aktar tard matul il-jum mistennija ssir laqgħa bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-sidien tal-gabbana li tinsab fit-tarf tal-bajja sabiex ikun iċċarat nuqqas ta’ ftehim li kien hemm bejn il-Pulizija u sid il-gabbana.
Il-Ministru Vella saħaq li sid il-gabbana kien qed jiġi mitlub biex ma jiftaħx biss bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija u l-ħdax ta bil-lejl fil-ġurnata tal-Ħadd minħabba l-festival tan-nar.
Żied jgħid li bħala kumpens, intlaħaq ftehim biex is-sidien tal-gabbana jipprovdu s-servizz tal-catering lil dawk li se jkunu qed jieħdu sehem f’dan l-ispettaklu pirotekniku.
Il-Ministru Karmenu Vella awgura mill-ġdid lill-parteċipanti kollha li se jieħdu sehem kif ukoll lill-pubbliku inġenerali għal spettaklu mill-isbaħ.
It-12-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar tiftaħ għada l-Ġimgħa 26 t’April b’wirja piroteknika f’Marsaxlokk filwaqt li l-Ħadd 28 t’April, in-nar se jinħaraq mill-bajja t’Għajn Tuffieħa. Il-festival jintemm it-Tlieta 30 t’April bi gran final fil-Port il-Kbir.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena b’kollox se kunu qed jieħdu sehem seba’ kmamar tan-nar, ħamsa barranin fosthom milnn, Spanja l-Italja u l-Portugall u tnejn Maltin inkluż il-kamra tan-nar tal-Ġilju tal-Imqabba.
B’rabta ma’ dan il-festival se tkun qed issir ukoll kompetizzjoni fotografika fejn it-turisti se jingħataw l-opportunità li sal-15 ta’ Mejju jtellgħu fuq il-paġna tal-facebook li nfetħet apposta l-aħjar ritratti li jkunu ħadu tal-ispettaklu, biċ-ċans li jirbħu btala għal żewġ persuni.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en