IMPENN BIEX IS-SOĊJETÀ TAGĦNA TKUN INFURMATA AKTAR DWAR ID-DRITTIJIET U D-DOVERI TAGĦHA
Nhar it-22 u 23 ta’ April, is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Onor. Michael Farrugia, kien Londra jirrappreżenta lil Malta fil-Konferenza tal-Commonwealth dwar The Challenge of Public Administration in Very Small States. Minbarra li ta l-parteċipazzjoni tiegħu u l-fehmiet fuq il-panel flimkien ma’ żewġ Ministri u Viċi Presidenti ta’ pajjiżi oħrajn, l-Onor. Farrugia kien il-mistieden ewlieni biex jitkellem dwar Oversight Bodies.
L-Onor. Farrugia qal li llum il-Gvern Malti daħal għall-impenn li jissokta jħeġġeġ is-soċjetà tagħna ħa jkollha aktar għarfien dwar id-drittijiet u d-doveri tagħha. Huwa qal li bl-informazzjoni li għandha f’idejha s-soċjetà sa issa, qed tersaq ‘il quddiem, tagħti fehmitha u wkoll is-soluzzjonijiet.
F’dan ir-rigward Michael Farrugia qal li hu tajjeb li tinżamm l-idea ta’ konsultazzjoni b’mod regolari ma’ gruppi kostitwiti, NGOs, l-Oppożizzjoni u l-bqija tal-poplu. Is-Segretarju Parlamentari stqarr li l-poplu jħoss u jifhem u għalhekk il-Gvern irid iqis sew meta jiġi biex jieħu deċiżjonijiet diffiċli. F’ħafna każi mhux kulħadd se jaqbel mad-deċiżjonijiet li spiss jeħtieġ jittieħdu fl-interess nazzjonali.
Michael Farrugia qal li sabiex il-Gvern iressaq il-proposti tiegħu mwiegħda lill-poplu jeħtieġlu jilleġiżla, iħaddem is-sistema regolatorja u jimbotta l-politika tiegħu fil-Parlament. Biex ix-xogħol preliminarju jsir tajjeb, b’mod meqjus u bi pjan xieraq, Michael Farrugia qal li għandu jkun hemm l-Oversight Body – jiġifieri istituzzjoni jew organizzazzjoni żgħira li taħdem fuq il-miri, il-motivazzjoni u t-twettiq tal-policies. Dan il-grupp għandu jifli l-istrutturi, il-miri u l-pjan biex ikollna quddiemna l-għarfien tal-effett ta’ ċerti bidliet fuq il-komunità f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett legali, ekonomiku u soċjali. Fl-istess waqt mingħajr ma nwarrbu l-wirt kulturali tas-soċjetà tagħna.
Hawn bħala eżempju is-Segretarju Parlamentaru fisser kif f’qasir żmien ġie pprattikat il-kunċett ta’ oversight body f’pajjiżna biex jiġi aċċertat li r-roħs fit-tariffi għall-permessi tal-MEPA jolqtu lil kulħadd skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali. Huwa qal li wara x-xogħol li sar kellu jżomm diskussjonijiet oħrajn, halli jirfina, jemenda u jtejjeb l-istess suġġerimenti tal-oversight body. B’dan il-ħsieb is-Segretarju Parlamentari fisser il-vantaġġi ta’ komunità ta’ inqas minn nofs miljun persuna fejn il-politiku jista’ jkun eqreb lejn il-poplu, lejn l-awtoritajiet u lejn ukoll il-persuni fis-servizz pubbliku. Biex dan il-Gvern jimxi fuq dak li wiegħed, inħolqu ministeri li jindirizzaw il-ħtiġijiet, fosthom id-djalogu soċjali mad-drittijiet ċivili u tal-konsumatur, flimkien ma’ dak li jara t-twettiq tal-manifest elettorali u kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċess amministrattiv.
Michael Farrugia saħaq li l-ħtieġa għas-simplifikazzjoni fix-xogħol ministerjali u dipartimentali hija x-xewqa ġenerali għaliex kulħadd iddejjaq bil-burokrazija bla bżonn u kulħadd jinsab imxennaq għal aktar effiċjenza, konsistenza, trasparenza u l-bqija tal-benefiċċji li joħorġu minn grupp regolatorju. Hemm imbagħad ir-riżultat ta’ ffrankar ta’ ħin u finanzi li jmorru għal għanijiet oħrajn filwaqt li nassiguraw li s-servizz mogħti jkun ta’ livell għoli u kif xieraq.
Dan il-grupp żgħir, spjega Michael Farrugia, qatt ma jista’ jgħid li temm jew laħaq il-miri tiegħu għaliex ix-xogħol għandu jkun xogħol li jibqa’ għaddej. Anke meta jintlaħqu l-miri, dan il-grupp dejjem jibqagħlu xi jtejjeb, x’janalizza u jindirizza maż-żminijiet li nkunu fihom. Dan kollu jinftiehem aħjar meta nħarsu lejn suġġetti fosthom is-saħħa u s-sigurtà, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, il-qasam tal-impjiegi, l-ugwaljanza u l-bqija.
Michael Farrugia għarraf lil dawk preżenti li l-Gvern Malti kien qed jaħdem fuq tliet wegħdi elettorali siewja fosthom il-Liġi tal-Whistleblower, dik tal-Preskrizzjoni u kif ukoll il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, li hu ppjanat li jiġu mgħoddija qabel is-Sajf li ġej. Din it-tema qanqlet diskussjoni pożittiva ħafna fost ir-rappreżentanti minn diversi pajjiżi.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia temm id-diskors tiegħu billi sostna li dak li qed jinbeda b’risq is-soċjetà għandu jaqbad ir-ritmu billi ntejbu s-sistemi, inwarrbu d-duplikazzjoni, niddikjaraw il-prijoritajiet u nistinkaw biex dawn jitwettqu fil-ħin u bl-inqas spejjeż possibbli. B’dan biss, qal is-Segretarju Parlamentari, nistgħu niggarantixxu futur aħjar u assigurat għall-familji Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en