IT-TURIŻMU MALTI QED JIBBENEFIKA MIR-RELAZZJONIJIET BILATERALI B’SAĦĦITHOM LI JEŻISTU BEJN MALTA U SPANJA
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu żjara ta’ kortesija mingħand l-Ambaxxatur ta’ Spanja l-E.T. Felipe de la Morena.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ir-rabtiet bilaterali ekonomiċi b’saħħithom li jeżistu bejn Malta u Spanja. B’mod partikolari fejn jidħol il-qasam turistiku, fejn iż-żewġ naħat irrikonoxxew li t-turiżmu huwa pilastru importanti għall-ekonomiji rispettivi taż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma kif ir-relazzjonijiet politiċi b’saħħithom bejn iż-żewġ naħat ħallew il-frott, fost l-oħrajn fil-qasam tal-kummerċ, filwaqt li Malta rreġistrat riżultati tajbin f’dak li huwa investiment minn Spanja fil-qasam tal-farmaċewtika.
Karmenu Vella tkellem dwar il-pjanijiet futuri tal-gvern għall-qasam tat-turiżmu fosthom li titjieb il-profitabilità u li ssir diversifikazzjoni tal-prodott li jiġi offrut lit-turisti li jinkludi aktar attrazzjonijiet.
Tkellem ukoll fuq il-pjanijiet tal-gvern li Malta jkollna l-kunċett ta’ ‘applied culture’ fejn il-kultura ssir aktar aċċessibbli. F’dan ir-rigward saħaq fuq l-importanza li l-pajjiż ikollu kalendarju kulturali fiss mifrux matul is-sena kollha u mhux ammont ta’ attivitajiet li jsiru kollha f’ġurnata waħda.
Dwar is-settur tal-avjazzjoni, il-Ministru Vella qal li l-aċċessibbiltà fit-turiżmu llum il-ġurnata hija kruċjali għas-sostenibbiltà tas-settur u kien għalhekk li l-avjazzjoni nġiebet taħt it-Turiżmu.
Dwar dan tkellem l-Ambaxxatur ta’ Spanja l-E.T. Felipe de la Morena fejn semma l-figuri pożittivi ta’ turisti Maltin li ta’ kull sena jżuru Spanja, bis-sena 2012 biss tirreġistra total ta’ 20,000 turist minn Malta. Dan minbarra numru ta’ imprendituri li jżuru Spanja fuq bażi regolari għal fini ta’ negozju.
L-Ambaxxatur ta’ Spanja wiegħed kull appoġġ tal-ambaxxata lill-Ministru Vella sabiex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en