FONDI AĊĊESSIBBLI GĦAL KULĦADD
Is-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u għall-Presidenza UE 2017, l-Onor. Ian Borg, laqa’ stedina li għamlitlu l-amministrazzjoni tal-General Workers Union.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat iddiskutew kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd bil-għan li dawn iservu ta’ benefiċċju għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-Gvern huwa kommess biex fil-programm operattiv il-ġdid il-Unions Maltin mhux biss ikunu attivi fil-proċess ta’ konsultazzjoni iżda għandhom jingħataw aktar għajnuna meta jiġu biex jissottomettu l-proġetti tagħhom.
L-Onor Borg qal li permezz tal-European Regional Fund u l-iskema Jeremie n-negozji Maltin u Għawdxin ibbenefikaw minn ħamsin miljun Ewro u għaxar miljun Ewro rispettivament biex ikomplu jkabbru l-intrapriża tagħhom, filwaqt li taħt il-European Social Fund in-negozji bbenefikaw minn 21 miljun Ewro li ssarrfu f’aktar taħriġ u impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema.
Dr. Borg wera l-apprezzament tiegħu lejn il-GWU, li bħat-tradeunions l-oħra kollha ta’ pajjiżna qiegħda tagħmel sforz kbir biex tiġġieled il-prekarjat f’pajjiżna.
Minn naħa tiegħu s-segretarju ġenerali tal-General Workers Union, Tony Zarb laqa’ b’mod pożittiv l-impenn ta’ Dr. Borg biex il-Unions Maltin jingħataw għajnuna bil-għan li jkunu jistgħu jużaw fondi Ewropej għall-kuntrarju ta’ kif sar fl-aħħar snin.
Tony Zarb żied jgħid li l-General Workers Union lesta tagħti l-kontribut meħtieġ biex il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tkun suċċess għal pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en