IL-MINISTRU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA L-ONOR. JOE MIZZI JINDIRIZZA KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET DWAR IL-PROĠETT NAZZJONALI TAL-GĦARGĦAR
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-proġett nazzjonali dwar l-għargħar, in-National Flood Relief Project, intiż biex isolvi l-problema tal-għargħar f’pajjiżna, jikkonsisti f’diversi xogħlijiet li għaddejjin bħalissa f’għadd ta’ lokalitajiet differenti.
Il-proġett, li huwa ko-finanzjat mill-UE, jiswa b’kollox €57 miljun.
Matul konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Qormi, fejn għadu kif beda x-xogħol, il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Gvern irid jara li l-proġett jimxi max-xogħol li kien diġà pprogrammat, iżda jrid jiżgura li jsir fiż-żmien li għandu jsir, li jkun hemm mill-inqas inkonvenjent u jkun hemm koordinament bejn kull min huwa involut biex ix-xogħol isir sew mill-ewwel.
Il-Perit Mifsud Borg spjega li x-xogħol infrastrutturali f’dan il-proġett nazzjonali huwa maqsum f’ħames partijiet. L-ewwel parti tkopri bejn Birkirkara u Msida u bħalissa għaddej xogħol ta’ tħaffir ta’ mini, li mistenni jitlesta lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla. It-tieni parti huwa x-xogħol li sar fuq il-ġibjun tal-Gzira, xogħol li tlesta u jonqos biss li jinħareġ il-permess tal-MEPA għall-parkeġġ fuq il-ġibjun. It-tielet parti hija t-tħaffir ta’ mini taħt l-art f’Ħaż-Żebbuġ, fejn diġà tħaffru madwar 650 metru u b’kollox, iridu jitħaffru madwar 1,500 metru.
Ir-raba’ parti, dik li l-Ministru żar illum, huwa xogħol ta’ ‘culverts’ u interventi fuq il-pont eżistenti, li mistenni jitlesta fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla. Bħalissa qed isir id-disinn fuq il-ħames u l-aħħar parti tal-proġett, fuq in-naħa ta’ Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn, fejn huwa ppjanat li x-xogħol jibda madwar xahrejn oħra.
Dan il-proġett, qal il-Ministru Joe Mizzi mhux biss huwa fundamentali biex tissolva l-problema tal-għargħar, iżda huwa mistenni jwassal biex jiġu maħżuna mas-650,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar qalet li dan huwa proġett li l-poplu ilu jistenna għal snin twal.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en