IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JGĦID LI L-IŻVILUPP TA’ TURIŻMU RURALI F’MALTA GĦANDU JGĦIN BIEX IL-QASAM TURISTIKU JSIR WIEĦED AKTAR SOSTENIBBLI
Meta kien qed jindirizza l-għeluq ta’ seminar dwar il-proġett tal-Unjoni Ewropea SIBIT dwar l-iżvilupp ta’ rotot ta’ ċikliżmu f’akwati rurali fil-ġżejjer Maltin flimkien ma’ msieħba minn Sqallija minn diversi reġjuni, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza li pajjiżna jkollu turiżmu sostenibbli.
Qal li biex dan iseħħ, l-industrija turistika trid kontinwament tadatta għall-bidliet li qed iseħħu fosthom fit-teknoloġija, fir-realtajiet ekonomiċi u fil-bżonnijiet tal-konsumatur.
Karmenu Vella semma kif pajjiżna jrid jagħmel qabża f’dan ir-rigward biex minn turiżmu tal-massa kif tradizzjonalment imdorrijin bih nevolvu għal turiżmu li jkun aktar ambjentali.
F’dan ir-rigward saħaq fuq il-kunċett ta’ turiżmu rurali (rural tourism) li għandu jgħin biex Malta tkompli tindirizza l-isfida tal-istaġjonalità fejn ikollna turiżmu matul is-sena kollha anke fix-xhur tax-xitwa u f’dawk ix-xhur meqjusa bħala low season.
B’referenza diretta għall-proġett SIBIT, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qal li dal-proġett għandu jgħin fil-promozzjoni tal-wirt rurali Malti, fl-istess ħin li joffri esperjenza mill-isbaħ liċ-ċiklisti anke għall-fatt li l-kampanja Maltija toffri trankwillità u paċi. Huwa proġett li kapaċi jintegra l-aspett kulturali u l-patrimonju Malti mal-kunċett ta’ ċikliżmu tenna l-Ministru Vella.
Filwaqt li qal li issa pajjiżna jrid imur għall-fażi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella wiegħed l-appoġġ kollu tal-Ministeru u tal-Gvern Malti għal din l-inizjattiva.
Il-proġett SIBIT huwa inizjattiva meħuda mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bħala parti mill-programm Italja-Malta 2007-2013 u joffri prodott turistiku li huwa kemm ambjentalment kif ukoll soċjokulturalment sostenibbli.
Permezz ta’ dan il-proġett li qed isir ma’ msieħba minn Sqallija, kienu identifikati żewġ rotot f’Malta u oħra f’Għawdex fejn jista’ jsir ċikliżmu f’akwati rurali, fl-istess ħin li ċ-ċiklist ikun jista’ jżur postijiet storiċi u kulturali f’pajjiżna.
Għal dawk li jkunu jixtiequ li jkomplu b’din l-esperjenza ta’ ċikliżmu fi Sqallija, tfasslu anke rotot f’din il-gżira, biex b’hekk inħolqu total ta’ 1000 kilometru ta’ ċikliżmu.
Sar ukoll ftehim ma’ diversi lukandi f’Malta u li aċċettaw li jkunu parti minn din l-inizjattiva sabiex joffru dawk is-servizzi kollha li hemm bżonn marbuta maċ-ċikliżmu fosthom faċilitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni tar-roti.
Preżenti għas-sessjoni ta’ dalgħodu kien hemm fost l-oħrajn Dr Francesco Christian Schembri mill-Provinċja reġjonali ta’ Agrigento fi Sqallija li kienu lead partners f’dan il-proġett flimkien ma’ membri mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en