AKTAR TAGĦRIF GĦALL-KUNSILLI LOKALI BIEX JUŻAW FONDI EWROPEJ - IS-SEGRETARJU IAN BORG JILTAQA' MAL-KUNSILL LOKALI TA' ĦAŻ-ŻEBBUĠ
Illum is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Ian Borg iltaqa' mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat li qiegħed jagħmel mal-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet oħrajn dwar użu aħjar tal-fondi Ewropej.
L-Onor. Ian Borg issuġġerixxa kif għandu jingħata aktar taħriġ lill-Kunsilliera u l-Amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom sabiex ikollhom preparazzjoni aħjar dwar kif jutilizzaw u jamministraw fondi Ewropej. Laqgħat bħal dawn iservu wkoll sabiex il-Gvern ikompli jisma’ aktar dwar dawk l-oqsma li għalihom jeħtieġ jiġu allokati l-fondi taħt il-programm finanzjarju 2014-2020.
L-Onor. Dr Ian Borg qal li mill-perjodu finanzjarju 2007-2013 tal-fondi Ewropej, il-Kunsilli Lokali bbenefikaw minn proġetti fit-turiżmu u fl-enerġija, kif ukoll oħrajn bħal dawk tal-‘life-long learning programmes’.Taħt l-‘European Regional Development Fund’ u l-‘European Social Fund’ il-Kunsilli Lokali bbenefikaw minn total ta’ madwar €5 miljuni, ċifra li fil-fehma tas-Segretarju Parlamentari tista’ titla’ ħafna aktar jekk il-Kunsilli Lokali jimpenjaw aktar ruħhom taħt il-programm il-ġdid. Filwaqt li minn proġetti amministrattivi mill-FPD – (Funds and Programmes Division) , il-Kunsilli Lokali bbenefikaw aktar minn €3m taħt it-‘Territorial Cooperation Programmes’.
L-Onor Dr. Ian Borg saħaq li l-konsultazzjoni li qiegħda ssir matul dan il-perjodu, ser tidħol f’fażi oħra fil-ġimgħat li ġejjin u dan għaliex anke l-poplu ser ikollu l-opportunita’ jagħti l-ħsibjiet tiegħu.
L-Onor Dr. Ian Borġ irringrazzja wkoll lil MEUSAC li toffri informazzjoni, assistenza u sapport lill-Kunsilli Lokali fuq diversi aspetti relatati mal-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u saħaq li flimkien mall-Ministru Helena Dalli ser ikun qed jagħmel aktar diskussjonijiet bil-għan li tissaħħaħ l-istruttura eżistenti.
Minn naħa tiegħu s-sindku ta’ Ħaż-Żebbug Alfred Grixti, fuq suġġeriment tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, qal li ser jippreżenta l-pjanijiet tiegħu li jistgħu jikkwalifaw għall-fondi Ewropej taħt il-programm finanzjarju 2014-2020.
Is-sindku esprima x-xewqa li l-Kunsilli Lokali jingħataw aktar għajnuna biex jamministraw il-fondi Ewropej.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en