IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JĦABBAR PJANI GĦALL-ĦOLQIEN TA’ AWTORITÀ GĦALL-AVJAZZJONI ĊIVILI FLIMKIEN MA’ POLITIKA NAZZJONALI DWAR L-AVJAZZJONI
Il-qasam tal-avjazzjoni huwa settur li qiegħed kontinwament jevolvi u l-futur tat-turiżmu jiddependi ħafna minn dan is-settur. Sostna dan il-ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella fi tmiem żjara li għamel illum waranofsinhar fil-hangers tal-Lufthansa Technik Malta f’Ħal Farruġ limiti ta’ Ħal Luqa.
Akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci, il-Ministru Karmenu Vella ntlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Lufthansa Technik Malta Stephan Drewes u mill-istaff maniġerjali.
Huwa ddawwar mal-hangers differenti fejn kien spjegat lilu l-ħidma li twettaq il-kumpanija Lufthansa fil-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani, kif ukoll is-sezzjonijiet differenti li din għandħa fi ħdanha.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti fi tmiem iż-żjara, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella spjega kif bir-ristrutturar li sar fi ħdan il-Ministeru, issa nġiebu taħt kappa waħda l-Air Malta, l-istitut għall-istudji turistiċi (ITS) kif ukoll l-avjazzjoni sabiex ikun hemm sinerġija sħiħa bejniethom.
Semma’ kif dan il-qasam f’Malta kulma jmur qiegħed dejjem ikompli jiżviluppa fosthom bil-ħolqien ta’ diversi skejjel tal-avjazzjoni, flimkien ma’ numru ta’ servizzi oħra marbuta miegħu inkluż ground handling u servizzi lill-ajruplani privati.
F’dan ir-rigward il-Ministru Vella qal li l-Ministeru se jkun għaddej b’ħidma biex fil-futur immedjat tinħoloq Awtorità għall-Avjazzjoni Ċivili (civil aviation authority) flimkien ma’ politika nazzjonali dwar l-avjazzjoni (national aviation policy).
Il-Ministru Vella ħabbar ukoll bidla oħra li hemm pjanata, dik għal Park tal-Avjazzjoni f’ Ħal Safi, li preżentament jaqa’ taħt il-Malta Industrial Parks u li mistenni jgħaddi taħt is-sezzjoni tal-avjazzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Lufthansa Technik Malta Stephan Drewes esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-fatt li l-kumpanija tinsab topera minn Malta fejn fl-aħħar snin kompliet tikber biex illum tħaddem mas-600 ħaddiem.
Semma’ kif il-kumpanija llum għandha tnax-il linja tal-ajru differenti li qed jużaw is-servizzi tagħha fejn tidħol manutenzjoni tal-ajruplani filwaqt li ħabbar kif riċentament il-linja tal-ajru SAS iffirmat ftehim mal-kumpanija Lufthansa Technik Malta biex issir manutenzjoni fuq l-ajruplani tagħha għal matul l-istaġun tax-xitwa.
Il-Kap Eżekuttiv Stephan Drewes temm jgħid li hemm ukoll possibilità li l-kumpanija tespandi biex tkun tista’ tkompli tagħmel aktar manutenzjoni fuq ajruplani kbar magħrufa bħala wide bodied.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en