BIEX XOGĦOL NINVESTU F’SOĊJETÀ B’SAĦĦITHA – SENA TA’ ĦIDMA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
It-tielet sena ta’ ħidma kienet karatterizzata minn sitwazzjoni fil-qasam ekonomiku u ta’ l-impjiegi li kienet għadha kemmxejn inċerta. Filwaqt li pajjiżna ħareġ b’saħħtu mill-kriżi internazzjonali, il-klima f’bosta pajjiżi ġirien kienet għadha waħda mill-aktar diffiċli.
Dan fisser li l-Gvern kellu jibqa’ jinvesti f’dawk l-inizjattivi li jdawru r-rota ekonomika u joħolqu l-postijiet tax-xogħol. Dan kien ir-riżultat ewlieni miksub mill-ħidma ta’ dan il-Ministeru fl-aħħar 12-il xahar, fejn pajjiżna minkejja l-isfidi kollha, ra l-ekonomija tiegħu terġa’ taqbad ir-ritmu ta’ tkabbir b’saħħtu, li jerġa’ joħloq il-postijiet tax-xogħol, jattira l-investiment, u eventwalment jerġa’ jibda jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dan kollu qed ikompli jibni fuq ix-xogħol li sar matul is-sena ta’ qabel, meta għażilna li nipposponu l-objettivi finanzjarji ta’ pajjiżna biex ninvestu b’saħħitna fil-ħarsien tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna. Għażilna li ma nħarsux fl-immedjat biss. Għajnuna li tajna kienet dejjem f’forma ta’ inċentiv għal aktar investiment. Kien għalhekk li għażilna li, għal perjodu, nipposponu l-miri tagħna f’dak li huwa d-defiċit finanzjarju tal-pajjiż, biex b’hekk inkunu nistgħu ninvestu aktar, u ngħinu ‘l fabbriki ħalli nissalvagwardjaw il-postijiet tax-xogħol filwqt li nassiguraw li ħadd ma’ jibqa’ lura.
Issa li, fiċ-ċirkostanzi diffiċli rnexxilna ngħelbu d-diffikultajiet, huwa kruċjali li nerġgħu naqbdu t-triq li tassigura s-sostenibbiltà finanzjarja. Dan hu meħtieġ biex pajjiżna jibqa’ tassew attraenti għall-investiment, kif ukoll biex ma jkomplix jgħabbi piż finanzjarju fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. L-importanza fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna hija akbar, meta wieħed jikkonsidra li bosta pajjiżi fil-Mediterran qed jaffrontaw problemi sostanzjali serji li wasslu għal kriżijiet, bir-rimedju jkun id-dħul ta’ taxxi ġodda bil-konsegwenza li l-ekonomiji rispettivi jkomplu jiċkienu u l-qgħad ikompli jikber.
Matul is-sena li għaddiet, il-Prodott Domestiku Gross żdied b’3.7%, u l-esportazzjoni żdiedet b’aktar minn 30% fuq is-sena ta’ qabel. Dan qed iseħħ għaliex l-istess fabbriki u postijiet tax-xogħol li, sa sena ilu kienu fuq ġimgħa ta’ erbat ijiem, f’ħafna ċirkostanzi issa qed iżidu saħansitra l-produzzjoni u l-overtime għall-ħaddiema. Dan it-tkabbir ekonomiku qed jiġi rifless ukoll fil-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol. Skont il-Eurostat, Malta kellha l-akbar tnaqqis fil-qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha, meta wieħed iqabbel Diċembru 2010 ma’ Diċembru 2009. Illum, skont l-istess sors, il-qgħad f’pajjiżna huwa ta’ 6.2%, li huwa sostanzjalment anqas mill-medja taż-żona ewro, li hija ta’ 10%.
Mill-aspett finanzjarju, pajjiżna rnexxilu jkompli jbaxxi d-defiċit finanzjarju, wara li s-sena li għaddiet, fl-eqqel tal-kriżi, kien l-unika pajjiż li baxxa d-defiċit fl-Unjoni Ewropea flimkien mal-Estonja. Dan wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex, f’Jannar 2011, tfaħħar id-deċiżjonijiet tal-Gvern li wasslu biex itejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu. B’konsegwenza t’hekk, l-istess Unjoni Ewropea ddeċidiet li twaqqaf id-deficit excesive procedures fil-konfront ta’ pajjiżna. Il-Kummissjoni Ewropea esprimiet il-fiduċja li d-deċiżjonijiet u l-politika tal-Gvern fil-qafas tal-Baġit 2011 għandhom iwasslu biex is-sitwazzjoni finanzjarja titjieb b’tali mod li din is-sena d-defiċit jerġa’ jitniżżel għal taħt il-limitu ta’ 3% tal-Prodott Domestiku Gross.
Inċentivi fiskali
Pajjiżna qafas soċjali b’saħħtu, wieħed mill-aktar b’saħħithom fl-Ewropa. Iżda, minkejja dan, għandu l-aktar rata medja baxxa ta’ taxxa fuq id-dħul fuq l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, is-settur tan-negozji jgawdi minn diversi opportunitajiet li jiġbor lura partijiet mit-taxxa dovuta meta jinvesti l-qliegħ tiegħu fl-istess negozju, biex b’hekk ikompli jikber u jiġġenera l-ġid. Matul din il-leġislatura, il-Gvern qed jaħdem biex inaqqas is-sussidji, u jgħin li min verament hu fil-bżonn. Il-Gvern jemmen li m’għandux jissussidja l-ħela, iżda li għandu jintroduċi nċentivi fiskali li bihom jintlaħqu għanijiet speċifiċi, u li b’mod ġenerali jħallu aktar flus fil-but.
L-akbar inizjattiva konkreta li ħa l-Gvern s’issa f’din il-leġislatura kienet dik tan-nisa li jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fl-2010, kien hemm 3,020 mara li daħlu lura għax-xogħol, u li gawdew mill-iskema ta’ sena bla taxxa, filwaqt li kien hemm 166 mara li gawdew mill-iskema li jidħlu lura għax-xogħol wara nuqqas ta’ ħames snin. Dan ifisser li b’kollox, 7,521 omm jew mara ngħataw tnaqqis fl-income tax għaliex daħlu lura f’impjieg jew baqgħu f’impjieg. Huma gawdew bejniethom €7.4 miljun.
Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-importanza li l-familji jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja. Huwa għalhekk li ntroduċa nċentiv ieħor li jnaqqas it-taxxa għall-ġenituri li jibgħatu t-tfal f’xi child care centre. Matul l-aħħar sentejn, 2,131 taxpayer gawdew minn tnaqqis fit-taxxa tad-dħul sa €1,000 b’rabta ma’ l-ispejjez biex jibgħatu lill-uliedhom f’child care centre. Filfatt, kien hemm 913 benefiċjarji fl-2008 u 1,218 fl-2009.
Għan-negozju, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar, il-Gvern kompla jħaddem l-iskema MicroInvest. Din tħabbret fil-Baġit 2010 iżda ġiet estiża għal sena fil-Baġit 2011. Permezz ta’ din l-iskema, sid ta’ negozju li jħaddem anqas minn 10 persuni huwa ntitolat għal tnaqqis fl-income tax ta’ 40% fuq l-investiment li jkun għamel jew tal-pagi tal-impjegati ġodda li jkun daħħal miegħu fl-2010 u l-2011. Dan il-benefiċċju jitla’ għal 60% f’każ ta’ negozji ġewwa Għawdex. S’issa applikaw madwar 450 self employed u sid ta negozji zgħar.
Investiment f’enerġija u ambjent aktar nadif
Fost l-isfidi kbar li hemm quddiem il-Gvern biex pajjiżna jkompli jikber u jiżviluppa nsibu dik marbuta mal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija. Għal dan il-għan f’dawn l-aħħar snin, il-Korporazzjoni Enemalta wettqet investiment qawwi fuq is-sistemi ta’ ġenerazzjoni u dik tad-distribuzzjoni. Dan l-investiment huwa essenzjali biex pajjiżna jkun kapaċi jibqa’ jkabbar l-ekonomija tiegħu b’investiment ta’ kwalità li tiġġenera aktar xogħol u xogħol aħjar.
Il-proġett ta’ l-estensjoni tal-power station ġewwa Delimara huwa biss wieħed minn pjan sħiħ ta’ investiment. Il-valur tal-kuntratt ta’ l-estensjoni tal-power station huwa dak ta’ €165 miljun, flimkien ma’ €18-il miljun għall-kuntratt tas-servizzi fuq perjodu ta’ ħames snin.
Investiment ieħor importanti għas-sistema tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija huwa dak marbut ma’ l-interconnecting cable bejn Malta u Sqallija. L-interconnecting cable se jippermetti li pajjiżna jkollu sors ta’ elettriku stabbli minn impjanti akbar u aktar effiċċjenti. Dan ifisser ukoll anqas emissjonijiet fl-arja. Aktar minn hekk, dawn iż-żewġ investimenti kbar se jwasslu biex il-power station tal-Marsa tkun tista’ tingħalaq.
L-investiment ta’ €85miljun li qed isir fl-impjant ta’ trattament ta’ drenaġġ f’Ta’ Barkat u f’numru ta’ proġetti marbuta miegħu, huma investiment b’saħħtu favur l-ambjent fin-nofsinhar ta’ Malta, kwalità ta’ ħajja aħjar u prodott turistiku isbaħ.
Grazzi għal dan l-impjant, se jkun qed jingħalaq l-aħħar outfall ta’ drenaġġ, f’Wied Għammieq. Dan huwa t-tielet impjant ta’ trattament tad-drenaġġ li pajjiżna investa fih fl-aħħar ħames snin.
Investiment
Minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi li seħħew madwar id-dinja fl-2010, pajjiżna ma xxuttax mill-investiment. Dan hu riżultat tal-fatt li pajjiżna llum għandu attrazzjoni b’saħħitha għall-investituri, grazzi għall-investiment kontinwu fil-ħaddiema tagħna biex dawn ikollhom l-aqwa kapaċitajiet, infrastruttura ta’ komunikazzjoni b’saħħitha, u leġislazzjoni u standards tal-ogħla livell Ewropew, li madanakollu joffru nċentivi u flessibbiltà għal min jagħżel li jopera f’pajjiżna. Barra minnhekk, il-Gvern żied il-baġit tiegħu biex ikompli jattira aktar investiment barrani, u biex jattira aktar investiment vertikali minn dawk l-intrapriżi li diġà qegħdin Malta, u li jagħżlu li jestendu l-firxa ta’ attività li jwettqu f’pajjiżna.
Fl-ewwel tliet snin ta’ din il-leġislatura ġew approvati 99 investiment ġdid, li 51 minnhom huma ftuħ ta’ fabbriki ġodda, filwaqt li 48 huma espansjonijiet. 54 minn dawn il-proġetti huma b’investiment lokali, filwaqt li 45 huma b’investiment barrani.
Matul dan l-istess perjodu, 4,832 investitur ingħataw €187 miljun fi grants u tax credits biex jinvestu u jimpjegaw aktar ħaddiema. Dawn l-iskemi kienu jvarjaw minn dawk biex jiżviluppaw prodotti ġodda, e-commerce, biex isaħħu l-kompetittività u jtejbu l-prodott, biex jinvestu f’sorsi li jiġġeneraw enerġija alternattiva u li jtejbu l-ambjent, fi start-up schemes, biex isibu sieħba strateġiċi barranin, biex jidħlu fi swieq ġodda, u tnaqqis fit-taxxi biex jinvestu l-profitti li jiġġeneraw.
L-akbar investiment li sar s’issa f’din il-leġislatura, kien dak ta’ €40 miljun minn waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja fil-qasam tat-tiswija ta’ l-ajruplani, l-SR Technics, li hija bbażata fi Zurich. Dan l-investiment mistenni li joħloq mat-350 impjieg fl-2014. Din il-kumpanija se tkun responsabbli mill-manutenzjoni tal-flotta ta’ 157 ajruplan tal-kumpanija Easyjet, wara ftehim ta’ 10 snin li ġie ffirmat bejn dawn iż-żewġ kumpaniji. S’issa, il-kumpanija diġà tħaddem madwar 150 persuna.
Intrapriżi żgħar u medji
L-2010 kienet sena oħra fejn l-SMEs tpoġġew fil-qofol tal-ħidma tal-Gvern. Tnedew sensiela ta’ inizjattivi li, b’xi mod jew ieħor, inaqqsu l-burokrazija u l-ispejjeż għas-sidien tan-negozju, filwaqt li jagħtu l-appoġġ meħtieġ biex dawn ikollhom prodott aħjar u jippenetraw swieq ġodda. B’mod partikolari:
• bdiet titħaddem ghall-ewwel darba l-iskema Microinvest li tagħti 40% kreditu ta’ taxxa għal kull negozju li f’dawn is-sentejn jagħżel li jkompli jinvesti;
• tkompliet il-ħidma biex l-iskema Microcredit tidħol fis-seħħ;
• tkompliet l-iskema ta’ għajnuniet għar-reklutaġġ ta’ impjegati ġodda;
• ġie allokat fond ta’ €200,000 għal ħidma favur is-settur tal-artiġġjanat;
• ġiet organizzata ġimgħa attivitajiet dedikata għall-SMEs;
• ġew organizzati laqgħat ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern u sidien ta’ negozji żgħar;
• inbeda x-xogħol, b’investiment ta’ €16.7 miljun, fit-titjib ta’ ħames żoni industrijali ġewwa Bulebel, Kordin, Mosta TechnoPark, ix-Xewkija u Ħal Far;
• sar investiment ta €10 miljun biex jinbena hutment ġdid ġewwa Kordin li se jkun jista’ jilqa’ fih madwar 70 negozju żgħir.
AirMalta
Il-kumpanija AirMalta tat kontribut importanti ferm għall-ekonomija ta’ pajjiżna tul l-aħħar 30 sena. Barra li serviet ta’ għodda kruċjali biex jiġi sostnut is-settur turistiku ta’ pajjiżna, hija wkoll mezz ewlieni li jgħaqqad lill-gżejjer tagħna mal-bqija tad-dinja.
Fis-snin li għaddew l-AirMalta rat quddiema sfidi kbar, li laqgħet għalihom anke b’riformi importanti li saru tul is-snin. Fost dawn l-isfidi ta’ min isemmi l-iżviluppi dramattiċi fl-industrija ta’ l-avjazzjoni wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001, iż-żidiet kbar fil-prezz taż-żejt, l-effetti tal-kriżi finanzjarja u tar-riċessjoni qalila fl-Ewropa, u l-instabilità ta’ l-iSterlina. Iżda dawn l-iżviluppi sinnifikanti mhux biss kienu diffiċli fil-mument li seħħew iżda wasslu biex l-industrija ta’ l-avjazzjoni tinbidel darba għal dejjem.
Fattur ieħor importanti li qed jikkontribwixxi għall-bidla fis-suq ta’ l-avjazzjoni huwa s-suċċess li kisbu, u qed jiksbu, il-linji ta’ l-ajru low cost fl-Ewropa. Dan kollu wassal biex il-linja ta’ l-ajru ssib ruħha f’sitwazzjoni diffiċli ferm. Għalhekk kien jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet importanti b’mod relattivament immedjat. Għal dan il-għan, twaqqaf Kumitat għar-Ristrutturar ta’ l-AirMalta li għandu l-għan ewlieni li jassigura li, fiż-żmien stabbilit, jiġi preżentat pjan ta’ ristrutturar li jagħti vijabilità, u li jiġi aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea. Dan minbarra li jiddiskuti dan il-pjan fl-istadju tal-formolazzjoni tiegħu biex minbarra li jintlaħaq ftehim dwaru, dan ikun segwit b’implimentazzjoni effettiva.
Min-naħa tiegħu, il-Parlament approva self ta’ €52 miljun mill-Gvern għall-AirMalta, li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea fuq bażi tal-pjan ta’ ristrurazzjoni wara li dan jitressaq quddiemha sa Mejju 2011.
Ix-xogħol fuq il-Pjan ta’ Ristrutturar għaddej fil-preżent.
Artijiet
Fl-2010, il-Gvern ħallas €13,683,145, lil familji li ġietilhom esproprjata l-art tagħhom mill-Gvern fil-passat. Din iċ-ċifra hija konsiderevolment ikbar minn dik tas-sena ta’ qabel li kienet €8,077,213. B’dawn il-fondi, il-Gvern qed iwettaq ġustizzja ma’ dawk kollha li fil-passat ġietilhom esproprjata l-art tagħhom, mingħajr qatt ma tħallsu tagħha. Bdejna ukoll nagħmlu ġustizzja ma’ dawk li għadhom jgħixu b’titlu ta’ konvenju fuq id-djar tagħhom. Il-Gvern beda jakkwista dawn l-artijiet biex ikun jista jagħmel il-kuntratti ma’ dawn il-familji biex tassew isiru is-sidien ta’ djarhom.
Matul 2010 saru 25 devoluzzjonijiet lill-Kunsilli lokali li hu 66% aktar minn dawk li kienu saru fl-2009 meta kienu saru 15-il devulozzjoni. Dawn il-proprjetajiet illum jaqdu funzjoni soċjali, u jintużaw b’mod iżjed sostenibbli.
L-aħħar 12-il xahar kienu ikkaratterizzati minn iżjed azzjonijiet ta’ infurzar u spezzjonijiet. Filwaqt li fis-sena 2008 saru 334 azzjoni ta’ infurzar, u fis-sena 2009 saru 424, fis-sena 2010 saru 778. Dan juri l-impenn tal-Gvern li r-riżorsa tal-art pubblika għandha tiġi użata bl-aqwa mod, u l-abbuz ma jistax jiġi tollerat.
Il-proġett tal-LEMIS li għaddej b’ritmu b’saħħtu, ser jagħti lid-Dipartiment Proprjeta tal-Gvern, sistema tal-informatika komprensiva għat-tmexxija professjonali u b’mod integrat tal-proprjetà kollha tal-Gvern. Dan huwa eżerċizzju li ser jieħu madwar sentejn u nofs biex isir peress li hemm madwar 15-il miljun dokument fil-DPG li jridu jigu scanned diġitalment. Dan il-proċess huwa mistenni li jġib iżjed trasparenza, effiċjenza u servizz aħjar għall-pubbliku.
L-iskema Agricultural Land Scheme tagħti titlu ta’ qbiela lil dawk il-bdiewa li jaħdmu art agrikola. Għall-ewwel darba, il-kuntratti marbuta ma’ din l-iskema bdew isiru ukoll minn ġewwa Għawdex għall-konvenjenza tal-bdiewa Għawdxin.
F’Malta u Għawdex fis-sena 2009 saru 492 kuntratt filwaqt li fis-sena 2010 saru 683. Dan ifisser li fl-2010 kien hemm żieda ta’ mdawar 36% fl-applikazzjonijiet ipproċessati u żieda ta’ 27% tal-kuntratti meta mqabbel mas-sena preċedenti.
pr0670b_MFEI_PS.pdf
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en