Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI TAL-ONOREVOLI PRIM MINISTRU DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI NŻAMM BEJN L-14 U L-15 TA’ MARZU 2013

pr0668
Date Icon 15/04/2013

Sur President,

Bħal ma kienet il-prassi matul l-aħħar leġiżlatura mill-Prim Ministru ta’ qabli, se nkun qed nagħmel stqarrija f’din il-Kamra wara kull Kunsill Ewropew li nattendi bħala Prim Ministru, kif ukoll wara laqgħat oħra multilaterali ta’ rilevanza partikolari.

Din hija l-ewwel okkażjoni, wara s-seduti li matulhom iddiskutejna l-budget għal din is-sena, fejn nista’ nirrapporta dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li nżamm fl-14 u 15 ta’ Marzu 2013.

L-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa kien li jiddiskuti l-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew ta’ din is-sena u jipprovdi gwida lill-pajjiżi membri fil-preparazzjoni tal-programmi nazzjonali tar-riforma kif ukoll tal-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza għas-sena 2013.

Id-diskussjoni prinċipali kienet dwar it-triq ekonomika u fiskali li trid taqbad l-Unjoni Ewropea. Ħafna kienu qed jistaqsu fejn tinsab f’Malta fit-taqtigħa bejn il-blokk li jrid l-awsterità u l-blokk li jrid miżuri għat-tkabbir ekonomiku.

Il-konklużjonijiet juru li pajjiżna bħal kwazi t-totalità tal-Istati Membri oħra, huma fuq in-naħa tas-sens komun. Fejn it-tkabbir u l-konsolidament fiskali ma jeskludux lil xulxin, imma jmorru flimkien biex l-Ewropa toħroġ mit-taqlib ekonomiku li għaddiet minnu fl-aħħar snin.

Dak li tkellimna dwaru fuq il-livell ekonomiku fl-Ewropa jirrifletti l-mandat li ngħata dan il-Gvern. Ikompli wkoll jibni fuq it-tajjeb li sar mill-Gvern preċedenti biex pajjiżna jżomm l-istabbiltà ekonomika li kellu sal-lum.

Il-messaġġ li qed nibqgħu ngħaddu b’mod konsistenti huwa li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħtitha u tista’ tissaħħaħ iktar permezz ta’ iktar xogħol ta’ kwalità u iktar nies jaħdmu, inkluż żgħażagħ u nisa. Dan iwassal għal tisħiħ ta’ setturi ekonomiċi li l-Unjoni Ewropea għadha sal-ġurnata tal-lum issostni fuqhom, jiġifieri parteċipazzjoni ikbar fid-dinja tax-xogħol u tisħiħ tal-pensjonijiet.

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ewropew il-President Barroso ta preżentazzjoni dwar ‘Tkabbir, kompetittività u xogħol: Prijoritajiet għas-Semestru Ewropew 2013’.

Mil-lat pożittiv, wieħed jista’ jgħid li matul is-sena li għaddiet l-Unjoni Ewropea rnexxielha turi li l-Ewro huwa proġett ħaj li l-Istati Membri lesti li jiddefenduh.   Saru riformi f’għadd ta’ pajjiżi fl-Ewropa.  Uħud taw il-frott meħtieġ, oħrajn le.  Il-figuri li ngħataw mil-lat ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kienu diżappuntanti. Agħar minn hekk, il-qgħad fl-Ewropa tiela’ għal livelli inaċċettabbli.

Il-President Barroso qal li b’hekk dan il-Kunsill Ewropew kellu jiffoka fuq żewġ temi b’mod partikolari.

i. Il-kompetittività li hija kruċjali biex iddur ir-rota ekonomika u naraw żieda fit-tkabbir.
ii. Il-kwistjoni tal-qgħad, b’enfasi partikolari fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Il-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda li nemmnu li għandha tiġi indirizzata anke f’pajjiżna, minkejja li s-sitwazzjoni mhijiex fil-livelli ta’ pajjiżi oħra. Nemmen iżda li jekk niffukaw fuq din l-isfida pajjiżna jkollu opportunità jikber iktar.

B’hekk ilqajt bi pjaċir l-enfasi li saret fuq waħda mill-issues ċentrali fil-politika l-ġdida ta’ dan il-Gvern dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ kif kien maqbul fil-Kunsill tat-28 ta’ Frar ta’ din is-sena. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma ċentrali fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ biex jinkisbu iktar ħiliet u jgħaqqdu iktar mad-dinja tax-xogħol. Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposti tagħha fl-isfond tan-negozjati li qed isir dwar ir-regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew biex l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ tibda taħdem b’mod effettiv sal-1 ta’ Jannar 2014.

Fl-istess waqt għandha titkompla l-ħidma biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jitnaqqas il-qgħad fit-tul u naraw li iktar persuni akbar fl-età jibqgħu fl-impjieg jew jerġgħu jibdew jaħdmu.

Ilqajt b’sodisfazzjon ukoll punt ieħor li dan il-Gvern iqisu importanti ħafna għall-għanijiet ekonomiċi ta’ pajjiżna u tal-Unjoni Ewropea. Id-diskussjoni dwar it-tnaqqis tal-burokrazija u regolamentazzjoni żejda hija fuq l-istess linja ta’ ħsieb li biha ġie elett dan il-Gvern. It-tnaqqis tal-piż tar-regolamentazzjoni iwassal għal kompetittività aħjar. Dan kien diskuss anke b’mod partikolari fil-konfront ta’ regolamentazzjoni għan-negozji ż-żgħar. Kien hemm qbil li jkollna simplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni fuq bażi ta’ Unjoni Ewropea imma anke fuq bażi nazzjonali.

Dan jimxi id f’id mal-ħsieb ta’ dan il-Gvern li jagħti importanza ta’ Segretarjat Parlamentari li jieħu ħsieb is-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi u jinħatar Kummissarju għas-Simplifikazzjoni Amministrattiva u t-Tnaqqis tal-Burokrazija.

Il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-programm Ewropew ‘REFIT’ biex tidentifika u tipproponi l-irtirar ta’ regolamenti li mgħadhomx utli u biex tkompli l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti bħala parti mill-ħidma għas-simplifikazzjoni amminstrattiva fuq livell Ewropew.

Diskussjoni importanti oħra li kellna kienet dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, partikolarment biex l-Unjoni Ewropea ddaħħal salvagwardji aktar serji fuq il-banek. Dan il-Kunsill Ewropew fakkar l-importanza li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-istati. Fl-ewwel semestru tal-2013 għandu jintlaħaq qbil dwar l-assi legati, sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effettiv. Qabel Ġunju tal-2013 irid jintlaħaq ukoll qbil dwar id-direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti biex (u qed nikkwota mill-konklużjonijiet ta’ dan is-summit) “jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u dawk ospitanti”.

Forsi ta’ min wieħed jirrimarka hawnhekk, li l-iżviluppi ewlenin dwar il-kriżi Ċiprijotta bdew iseħħu litteralment l-għada li spiċċa s-summit li qed nirraporta dwaru.  Għalhekk, ma kienx hemm diskussjoni diretta f’dan ir-rigward.

Madankollu, inħossni li nkun qed nonqos jekk ma nenfasizzax dak li issa ħareġ bl-aktar mod ċar minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea stess, jiġifieri li l-qagħda tas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari l-banek, f’pajjiżna hija waħda b’ saħħitha. 

Fl-aħħar tad-diskussjoni fil-Kunsill kien hemm qbil dwar l-addozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u r-regoli ta’ proċedura għas-Summits Ewropej.

Il-Kunsill Ewropew kompla bi preżentazzjoni mir-Renju Unit dwar is-Summit tal-G8 li se ssir fis-17 u 18 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Il-Kunsill ġie nfurmat li l-G8 se jkun qed jiddiskuti s-sitwazzjoni ekonomika dinjija, tkabbir u xogħol. Fost l-oħrajn se jiġu diskussi wkoll kwistjonijiet relatati mat-terroriżmu.

Wara dan ġew diskussi r-relazzjonijiet politiċi u strateġiċi tal-Unjoni Ewropea mar-Russja.

Fuq talba tar-Renju Unit u Franza, ingħata overview tal-kwistjoni tal-embargo tal-armi fuq is-Sirja.


Summit taz-Zona Ewro

Matul dan il-Kunsill Ewropew, bejn sessjoni tal-Kunsill u oħra, sar ukoll Summit għall-pajjiżi membri fiż-żona Ewro.  Dan sar biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona Ewro. Saret preżentazzjoni mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi li tkellem dwar il-produttività fiż-żona Ewro.

Wieħed irid jgħid li hemm bżonn ta’ koerenza akbar fil-prioritajiet li jiġu deċiżi mill-Unjoni Ewropea.  Dan il-bżonn qed jinħass ħafna aktar f’dawn l-aħħar żminijiet.


Laqgħat ta’ korteżija

Peress li din kienet l-ewwel żjara tiegħi bħala Prim Ministru waqt Summit Ewropew iltqajt mal-Presidenti rispettivi tat-tliet istituzzjonijiet Ewropej, Martin Schulz President tal-Parlament Ewropew, Jose Manuel Barroso President tal-Kummissjoni Ewropea u mal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow