TIĠI INAWGURATA IS-SEBA’ EDIZZJONI TAN-‘NOTTE GOZITANA’ LEJLET LAPSI
Dalgħodu l-Ministru għal Għawdex l-Onor Dr. Anton Refalo inawgura s-seba’ edizzjoni tal-avveniment annwali ‘Notte Gozitana’ Lejlet Lapsi liema avveniment huwa festa ta’ kultura u identità Għawdxija fost l-oħrajn.
Il-Ministru għal Għawdex tenna li minkejja liż-żmien kien relattivament qasir mill-bidu tal- legiżlatura, il-Ministeru għal Għawdex jinsab konvint li permezz tal-ħidma fejjieda minn kumitat organizzattiv maħtur apposta fi ħdan l-uffiċċju tal-kultura mhux biss ser itella’ edizzjoni oħra ta’ dan l-avveniment iżda l-programm ta’ din is-sena ser joffri esperjenza ġdida għal dawk kollha li ser jipparteċipaw fih.
Il-Ministru għal Għawdex qal ukoll li bħalissa l-Ministeru qed jaħdem sabiex permezz ta’ diversi kumitati sa tmiem din is-sena tkun tfasslet strateġija Kulturali Reġjonali għas-snin li ġejjin. Sa tmiem din is-sena wkoll il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jinawgura Ċentru għall-identità Kulturali fiċ-Ċittadella li huwa wieħed mill-proġetti kapitali li pajjiżna qed jinvesti fih sabiex ifakkar it-titolu ta’ ‘Kapitali Kulturali Ewropea 2018’.
Rigward l-edizzjoni tan-‘Notte Gozitana’ għal din is-sena l-Ministru elenka l-attrazzjonijiet l-iktar important bħall-Edizzjoni ta’ Ġensna bis-sehem ta’ kantanti oriġinali, orkestra u kor, kunċerti live mill-grupp ‘Airport Impressions’, kunċert mill-orkestra Nazzjonali taż-żgħażagħ u inizjattivi relatati mal-kunċett Eko-Għawdex. Magħhom tiżdied lista twila ta’ wirjiet tal-arti minn artisti rinomati u oħrajn kontemporanji, żjarat kulturali, kunċerti minn gruppi folkloristiċi u oħrajn. Attrazzjonijiet oħra ser ikunu binjiet storiċi u privati miftuħa għall-pubbliku fosthom dak tal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex stieden lill-Maltin kollha li jixtiequ jqattgħu għeluq il-ġimgħa f’Għawdex b’differenza sabiex ma jitilfux din l-opportunità. Fakkar ukoll fl-arranġamenti speċjali għall- passiġġieri kollha li jaqsmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex fil-ġranet ta’ nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju u s-Sibt 11 ta’ Mejju, bejn it-tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija u s-siegħa u nofs ta’ filgħodu.
Fl-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo irringrazzja lil dawk kollha li wrew interess sabiex jipparteċipaw u jikkontribwixxu għal din l-attività. Appella ukoll lill-Għawdxin kollha sabiex ma jitilfux l-okkażjoni u jipparteċipaw f’din l-edizzjoni b’ livell kulturali tant għoli.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en