STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENTIBBLI, AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA, L-ONOR. LEO BRINCAT
“IX-XOGĦOL FUQ IL-FAMILY PARK TA’ MARSASKALA SAR TA’ KAFKAF U B’TIR WIEĦED: LI JILĦAQ JINFETAĦ MILL-EX PRIM MINISTRU ĠIMGĦATEJN QABEL L-ELEZZJONI GENERALI” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Waqt żjara li għamel dalgħodu fil-Family Park ta’ Marsaskala l-Ministru Leo Brincat wera bil-fatti kif ix-xogħol fuq dan il-park sar ta’ kafkaf u b’tir wieħed, li jilħaq jinfetaħ mill-ex Prim Ministru ġimgħatejn qabel l-Elezzjoni Ġenerali.
Il-Ministru Leo Brincat qal li fid-dawl ta’ lista li ma tispiċċa qatt ta’ nuqqasijiet l-Management Efficiency Unit, l-MEU se titqabbad tagħmel investigazzjoni fil-fond fuq kif ġie żviluppat it-tħaddim ta’ dan il-park, mill-bidu nett sal-illum. Huwa qal ukoll li fil-jiem li ġejjin il-Ministeru tiegħu se jaħtar uffiċjalment Review Team biex jgħarbel il-proċess kollu li wassal għall-iżvilupp tal-impjant ta’ Sant Antnin, kemm għal dak li huwa immanniġġjar tal-iskart u anke għal power generation. Żied ukoll li ser jiġu analizzati l-istudij li saru, kif ukoll dawk li misshom saru dwar il-kwalità tal-arja, is-saħħa ambjentali u base line studies oħra – kemm qabel ma ġie approva il-proġett, wara li ġie approvat u tul iż-żmien li ilu jitħaddem. Se jiġi stabilit ukoll kif u kemm jistgħu jiġu indirizzati minn dawn in-nuqqasijiet.
Ir-Review Team se jkun immexxi mill-Profs. Edwar A. Mallia u għandu bħala membri lil Dr. Louisell Spiteri, esperta fil-ligi ambjentali u lis-Sur Alan Pulis, espert ambjentali.
Meta kien qiegħed jindirizza lill-media l-Ministru Brincat qal kif il-proġett tal-Family Park inbeda mill-WasteServ, fejn ir-responsabilita’ kellha twassal sat-tkomplija tal-proġett.
Żvela li għalkemm l-organizazzjoni INSPIRE kienet offriet li tmexxi il-proġett u anke timpjega nies bi bżonnijiet speċjali, huma qatt ma ingħataw tweġiba għall-business plan li kienu ippreżentaw. U dan minkejja li kienu mistiedna jagħmlu dan mill-Ministru kkonċernat ta’ qabel.
Minflok, skont rapport li l-Ministru Brincat kellu f’idejh, it-tmexxija tal-proġett għadda f’idejn it-Taqsima tal-Parks tal-Gvern bl-istruzzjonijiet iżda jingħataw lilhom biss bil-fomm.
Minħabba li t-Taqsima tal-Parks tal-Gvern bilkemm hija attrezzata biex tmexxi proġetti oħrajn eżistenti, l-kumpanija WasteServ innifisha kellha tassisti biex tmexxi l-Visitors Centre tal-Family Park u jżżomm preżenza ta’ persuna li tkun tista tikkoordina u jsejjaħ il-kuntratturi responsabbli, jekk tinqala l-ħtieġa. Kif ukoll toffri servizz ta’ sigura’ fuq il-proġett u tirċievi hi talbiet għal żjarat minn tfal tal-iskejjel.
L-ironija hi qal il-Ministru Brincat, li filwaqt li l-WasteServ stqarret li ma għandha ebda kopja tal-ftehim milħuq mal-Ministru ta’ qabel , dwar il-futur tal-proġett, it-tmexxija tal-Family Park għaddiet lit-Taqsima tal-Parks biss bil-fomm u dan skont dak li iddikjaraw tal-Parks infushom.
Kif ikkonfermat tul il-konferenza tal-aħbarijiet mid-Diriġenti tat-Taqsima tal-Parks, jidħol min jidħol għall-immaniġġjar tal-proġett hemm bżonn mas- €700,000 fis-sena f’dawk li huma operating costs tal-Family Park. Flus li qatt ma ġew identifikati mill-Gvern ta’ qabel u li t-Taqsima tal-Parks m’għandix, bl-istess mod li m’għandix nies biex timmaniġġja l-Family Park ta’ Marsaskala.
Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-mezzi tax-xandir il-Ministru Brincat elenka ukoll nuqqasijiet li hemm fil-Family Park ta’ Marsaskala:
• Siġar li ilhom ma jissaqqew u li kienu ilhom bin-nixfa
• Xi zoni ttraskurati u mingħajr immaniġġjar
• Water Park li għadu fil-fażi ta’ konċepiment, mingħajr ma hemm ċertezza li jista’ jsir u li
hemm il-flus għalih.
• Nuqqas ta’ tabelli / sinjali u information boards aġġornati.
• Ebda lqugħ serju kontra l-vandaliżmu.
• Nuqqas ta’ kontroll tal-aċċess fil-park wara l-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ għall-pubbliku.
• Ebda ħjiel ta’ avviżi legali li jirregolaw l-użu tal-faċilitajiet tal-park
• Ebda Park Management jew Project Planning serju.
• Ebda ħjiel dwar kif sejjer jiġi ffinanzjat l-operat tal-proġett.
• Ebda ħjiel kif ser jiġu indirizzati l-ħtiġijiet amministrattivi tiegħu.
• Ebda sit elettriku jew portal informattiv dwar il-park
• Jitqassmu biss flyers għall-visitaturi
• Nuqqas totali ta’ Integrated Site Management
• Bandli għat-tfal bi bżonnijiet speċjali mingħajr safety harnesses minħabba serq jew abbuż
• Ċertu tħawwil ta’ siġar, speċjalment taħt l-iskema Tree 4 U, sar mingħajr id-distanzi meħtieġa
• Multipurpose area li tinħtieġ regolamentazzjoni fl-użu tagħha.
• Użu ta’ bowsers tal-ilma għat-tisqija ta’ ċerti siġar meta suppost hemm reservoirs fl-istess
impjant.
• Ċerti xogħolijiet li sa xahar wara l-Elezzjoni Ġenerali għadhom nofs leħja.
Il-Ministru Leo Brincat qal li malli jitlesta r-rapport tal-Management Efficiency Unit, il-Gvern se jieħu l-passi meħtieġa biex il-proġett jitmexxa b’mod professjonali, filwaqt li kull kirjiet kummerċjali sejrin isiru b’mod trasparenti u kif titlob il-liġi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en