STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA
“Fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart flok suq ħieles sibt sitwazzjoni ta’ free for all” - L-Onor. Leo Brincat
Waqt laqgħa ma’ uffiċjali għolja tal-GRTU u l-GreenMT il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, l-Onor. Leo Brincat qal li fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart flok suq ħieles sab sitwazzjoni ta’ free for all.
Il-Ministru Brincat qal li ebda assikurazzjoni, bħalma tawh id-diriġenti ewlenin tal-WasteServ - li se nilħqu l-miri tagħna sas-sena 2020 - ma hi se tikkonfortah. Dan għaliex sa ftit tal-jiem ilu biss l-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent sabet kif pajjiżna għadu jiġġenera ferm aktar skart, ras għal ras, minn pajjiżi oħrajn u l-prospetti li nilħqu l-miri tagħna qegħdin ferm ‘il bogħod.
Qal li huwa ser jinsisti għal trasparenza sħiħa mill-operaturi kollha fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart u mhuwiex lest li jawtorizza eco tax exemptions minn kumpaniji li ma jkunux ippreżentaw il-kotba tagħhom awditjati fil-ħin u li jkunu rreġistrati mal-MFSA.
Il-Ministru Leo Brincat qal li ser ikun qed jinsisti li f’dan is-settur ikun hawn level playing field għaliex ilu jirċievi rapporti, kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll illum mill-Gvern, li ħafna drabi l-miżien kien ixaqleb lejn naħa waħda għal raġunijiet li għad irid jidħol fihom fil-fond, kompla l-Ministru.
Huwa qal li l-Ministeru tiegħu se jikkummissjona studji li jidħlu fil-fond dwar l-operat tal-WasteServ, inkluż dwar kif, anke flimkien mal-MRRA, setgħu ġew aġevolati operaturi fil-qasam tal-iskart u dan a żvantaġġ ta’ oħrajn.
Minn naħa l-oħra l-Ministru Leo Brincat għamilha ċara li hemm lok, spazju u rwol għal kull min josserva r-regoli, u li dan jgħodd ukoll għall-organizzazzjonijiet kollha li jgħidu li huma non profit making.
Il-GRTU u l-GreenMT laqgħu b’mod tajjeb il-fatt li dan il-Gvern mill-bidu nett se jkun qiegħed jagħmel review tas-sistema kollha tal-immaniġġjar tal-iskart u anke ta’ kif topera l-WasteServ.
Huma kkonfermaw li s-suq tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna huwa free for all, b’ċerti kumpaniji qed jaħdmu mingħajr il-liċenzja meħtieġa.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en