STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA
Ħidma biex tinstab soluzzjoni għall-problema fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li ntirtet mill-amministrazzjoni preċedenti
Id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei huwa wieħed mill-pjagi li l-Ministeru għas-Saħħa preżenti wiret mingħand il-Gvern preċedenti, li ttraskura għal kollox l-immaniġġjar ta’ dan id-Dipartiment u naqas milli jwettaq prattiċi ta’ xogħol aktar tajbin milli kien hemm.
Il-Ministru Farruġia jfakkar lill-Onorevoli Joseph Cassar li fis-sena 2011 huwa stess kien ikkummissjona rapport minn J. Hopkins University dwar l-operat tal-Isptar Mater Dei u li kien sewa’ madwar 1.347 miljun dollaru Amerikan. Dan kien jelenka diversi problemi ta’ operat u kien ilu f’idejn l-ex Ministru Cassar ‘l fuq minn sena. L-ex-Ministru Cassar għazel li ma jibdiex il-proċess tal-implimentazzjoni u jattwa dak li gie suġġerit mill-esperti li kienu maħtura minnu stess.
Għall-kuntrarju, s-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei marret għall-agħar, b’riżultat ta’ aktar stennija min-nies, b’użu ta’ stretchers fil-kuriduri biex jakkomodaw lill-pazjenti u it-teħid tal-ispazju ta’ area 2 mill-emerġenza biex tintuża bħala sala tranżitorja. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll in-nuqqas ta’ investiment mill-gvern preċedenti, f’rizorsi umani, li huma tant bżonnjuzi u meħtiega f’dan il-qasam.
Fl-ewwel ġimgħa minn meta nħatar Ministru, il-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farruġia mill-ewwel beda jaħdem fuq dawn l-isfidi u waqqaf Kumitat t’Azzjoni magħmul minn rapprezentant ta’ kull settur tal-Emerġenza, minn porter sa’ konsulent, sal-management tal-Isptar Mater Dei u li fih qiegħed jinvolvi wkoll l-Unions.
Dan il-Kumitat t’Azzjoni qed jistħarreġ numru ta’ soluzzjonijiet, inkluż il-garaxx tal-ambulanzi, bi pjani li jitwaqqfu b’mod gradwali, minn miżuri immedjati sa’ dawk aktar fit-tul.
Dan il-Kumitat t’Azzjoni kien milqugħ mill-ħaddiema kollha u qed jarawh bħala xaqq ta’ dawl biex bis-saħħa tiegħu tinħoloq aktar sigurta` fil-kura tal-pazjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem.
Kien propju għalhekk li l-Ministru Godfrey Farrugia waqqaf uffiċċju fid-Dipartiment tal-Emerġenza, biex ikun viċin il-pazjenti u wkoll il-ħaddiema, u għalhekk ikun fil-qalba tal-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru Godfrey Farruġia jenfasizza li bħala team ta’ health care professionals ninsabu kommessi li nagħtu aktar dinjita` lill-pazjenti u l-familji tagħhom u nżidu l-kontabilita’ tas-servizz mogħti.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en