IS-SETTUR TURISTIKU U L-PRIJORIJIAJIET EWLENIN MARBUTA MIEGĦU DISKUSSA F’LAQGĦA BEJN IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U L-AMBAXXATRIĊI AMERIKANA GĦAL MALTA
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu żjara ta’ kortesija mingħand l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta l-Eċċellenza Tagħha Gina Abercrombie-Winstanley fil-bini tal-Ministeru fil-Berġa tal-Italja fil-Belt.
Iż-żewġ naħat iddiskutew possibilitajiet ta’ aktar tkabbir f’dan is-settur b’mod partikolari kif jista’ jiżdied it-turiżmu lejn Malta mill-Istati Uniti, anke bil-għajnuna ta’ Maltin li ilhom emigranti fl-Istati Uniti għal dawn l-għexieren ta’ snin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem fuq il-viżjoni tiegħu għas-settur turistiku u spjega kif dan ħa dimensjoni differenti hekk kif żdiedu d-destinazzjonijiet li qed iwasslu għal kompetizzjoni akbar fis-settur. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tal-linji tal-ajru low cost ħolqot opportunitajiet ġodda li waslet għal bidla fil-prijoritajiet.
Kien propju għal dan il-għan li saret rijorganizzazzjoni fil-Ministeru, fejn l-Istitut għall-Istudju Turistiċi l-ITS, l-Airmalta u l-Avjazzjoni iċċaqilqu u kienu amalgamati mat-Turiżmu sabiex ikun hemm sinerġija waħda qal il-Minsitru Vella.
Karmenu Vella tkellem ukoll fuq il-qasam tal-kultura u saħaq fuq il-bżonn li l-Belt Valletta titqajjem matul il-ħinijiet tal-filgħaxija bħalma jsir fi bliet oħra Ewropej, fost l-oħrajn billi jkun hemm kalendarju permanenti t’attivitajiet kulturali.
Saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar investiment f’postijijet ta’ interess u fil-ħolqien ta’ aktar attrazzjonijiet li minnhom infushom jiġġeneraw aktar turiżmu.
Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta l-Eċċellenza Tagħha Gina Abercrombie-Winstanley iddeskriviet lil Malta bħala pajjiż mill-isbaħ li hu mogħni b’kultura rikka.
Faħħret il-fatt li f’Malta jkunu organizzati ħafna attivitajiet kulturali li jiġġeneraw it-turiżmu u li jistgħu jingħataw dimensjoni aktar b’saħħitha f’dak li huwa reklamar jekk jibqgħu jsiru f’dati fissi.
Fi tmiem il-laqgħa ż-żewġ naħat skambjaw riġali ta’ tifkira.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en