Left arrow Go Back

IL-POLITIKA TAL-GVERN IL-ĠDID FAVUR IL-ĦARSIEN TAL-KONSUMATURI

pr0580
Date Icon 06/04/2013

Il-Gvern huwa kommess sabiex matul din il-leġislatura jaħtar Ombudsman biex jinvestiga l-ilmenti tal-investituri, kif ukoll disputi bejn investituri u istituzzjonijiet finanzjarji.  Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, meta kienet qed tindirizza l-ewwel minn sensiela ta’ seminars organizzati mill-Awtorita` Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, bħala parti minn kampanja informattiva dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur li qed torganizza din l-Awtorita`.

Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-Gvern se jkun qed jintroduċi Charter li se jservi ta’ gwida biex jitħarsu l-interessi tal-investituri ż-żgħar, b’mod speċjali tal-investituri b’anqas esperjenza u aktar vulnerabbli.  Charter ieħor se jkun qed jiddaħħal għad-drittijiet tal-klijenti tal-banek.  Dr Dalli qalet li “l-Gvern irid jgħin lil min għandu bżonn għajnuna fl-użu ta’ servizzi bankarji sabiex ma jkunx hemm abbużi bħal pereżempju dawk ta’ spejjeż moħbija, u l-għoti ta’ gwida lil min se jissellef sabiex dan ikun jaf eżatt x’responsabbiltajiet dieħel għalihom”.

Il-Ministru Dalli semmiet l-inizjattivi li ħadet l-Awtorita` Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fl-aħħar snin.  Hi żiedet li l-Gvern hu kommess li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar.  Hi żiedet tgħid li hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi umani tal-Awtorita` sabiex din tkun tista’ ttejjeb l-operat tagħha, l-aktar fl-oqsma tar-riċerka u tas-sorveljanza tas-suq.  

Dr Dalli tkellmet ukoll dwar l-importanza li jkun hawn relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-bejjiegħa u l-klijenti.  Filfatt l-Awtorita` għandha l-iskema TRUST YOU li twaqqfet sabiex tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-konsumatur u min ibiegħ.  Permezz ta’ din l-iskema l-Awtorita` qed tipromwovi prattiċi ta’ negozju li huma ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi, kif ukoll għan-negozji nfushom.  Dr Dalli qalet li inizjattivi bħall-iskema TRUST YOU joffru gwadann kemm għall-konsumaturi, kif ukoll għan-negozji għaliex hija ħaġa naturali li n-nies, meta jieħdu deċiżjoni dwar xiri ta’ prodott jew servizz, se jmorru għand min jafdaw.  Meta kienet qed titkellem dwar dan, il-Ministru Dalli żiedet tgħid li l-Gvern għandu l-ħsieb li jagħti rikonoxximent lin-negozji li jadottaw l-aħjar prattiċi favur il-konsumatur.  Il-Gvern se jkun qed jipromwovi dawn il-prattiċi tajba kemm mal-komunita` kummerċjali, kif ukoll mal-konsumaturi.  Dan se jsir, fost l-oħrajn, billi l-Awtorita` tkun eqreb tal-poplu permezz ta’ information kiosks f’żoni kummerċjali.

Aktar tagħrif dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi u l-bejjiegħa, kif ukoll informazzjoni dwar l-iskema TRUST YOU, jista’ jinkiseb mill-Awtorita Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq 2395 2000 jew permezz ta’ email fuq info@mccaa.org.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow