IS-SEBA’ EDIZZJONI TAL-FESTIVAL TAL-LOGĦOB TAN-NAR TAL-ART
F’konferenza tal-aħbarijijet, il-Kunsill Lokali tal-Floriana nieda s-seba’ edizzjoni tal-festival tal-logħob tan-nar tal-art mekkanizzat li se jkun qed jittella’ nhar is-Sibt 13 t’April fl-10.30 P.M. fuq il-Fosos tal-Floriana.
Din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw rekord ta’ kmamar tan-nar, total ta’ 15-il kumpless/għaqda tan-nar, li bejniethom se jkunu qed joffru 30 biċċa ta’ nar tal-art mekkanizzat, bil-pubbliku se jingħata wkoll iċ-ċans li jesprimi l-opinjoni tiegħu permezz tal-SMS.
Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella qal li filwaqt li attivitajiet bħal dawn normalment jattiraw turisti li jinzertaw f’Malta għal btala, wasal iż-żmien li tibda ssir promozzjoni biex ikunu attirati turisti li jiġu speċifikament għal attivitajiet li jkunu qed jittellgħu f’pajjiżna.
Semma’ kif dan jista’ jsir billi b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jibda jsir reklamar ta’ pakkett t’attivitajiet li jkunu se jittellgħu. Filwaqt li faħħar lill-Kunsill Lokali tal-Floriana għall-inizzjattiva li jieħu ta’ kull sena f’dan ir-rigward wiegħed l-appoġġ kollu tal-gvern biex attivitajiet bħal dawn ikomplu jiżdiedu.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali l-Onor. Jose Herrera semma’ kif prijorità ewlenija tiegħu se tkun li jibda konsultazzjoni wiesgħa mal-kunsilli lokali u fl-istess ħin jara fejn ilgvern jista’ jkompli jagħti aktar għajnuna u sostenn biex il-kunsilli lokali jkomplu jkabbru l-kultura. Huwa qal li l-lokalità tal-Floriana żammet l-identità tagħha minkejja li ċkienet fil-popolazzjoni u faħħar lill-Kunsill Lokali li kien elett riċentament tal-impenn li qed juri biex jippromwovi l-folklor Malti, mhux lanqas fejn jidħol il-logħob tan-nar.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Sindku tal-Floriana Nigel Holland akkumpanjat mill-kunsilliera tal-lokalità.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en