JITLAQQA’ GĦALL-EWWEL DARBA F’DIN IL-LEĠISLATURA L-KUNSILL MALTA GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) tlaqqa’ għall-ewwel darba f’din il-leġislatura llejla. Il-laqgħa kienet ippreseduta mic-Chairperson il-ġdid tal-Kunsill, is-Sur John Bencini.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli. Fid-diskors tagħha,Dr Dalli awgurat sabiex kullħadd jidħol għal dan ix-xogħol b’rieda tajba. Hi qalet li kull persuna li tagħti sehemha fil-ħajja pubblika tagħmel hekk għax trid tara pajjiż aħjar u għax trid li l-kwalita` tal-ħajja taċ-ċittadini titjieb.
Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li l-membri kollha tal-Kunsill għandhom jidħlu għal dan l-impenn mingħajr preġudizzji. Hi qalet li “f’moħħna għandu jkollna biss dak li nistgħu nagħmlu biex naħdmu tajjeb flimkien biex b’hekk, flimkien, niksbu riżultati tajbin għal pajjiżna”. Dr Dalli fakkret lill-membri kollha li huma qegħdin fuq il-Kunsill għax iħossu li għandhom impenn lejn is-soċjeta` u jridu jagħtu servizz leali lis-soċjeta` Maltija.
Meta tkellmet dwar it-tmexxija tal-Kunsill, Dr Dalli qalet li l-ħsieb tal-Gvern hu li t-tmexxija tal-MCESD tkun waħda ta’ rotazzjoni fejn min iħaddem, il-unions, u s-soċjeta` ċivili, kollha jkollhom l-opportunita` li jipparteċipaw f’dan il-livell. Hi qalet li tittama li l-Gvern, min iħaddem, il-unions, u s-soċjeta` ċivili, jersqu aktar lejn xulxin sabiex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jitjieb. Il-Ministru Dalli ikkonkludiet li “l-għan prinċipali dejjem għandu jkun li jiżdied it-tkabbir ekonomiku u jkollna dejjem aktar koeżjoni soċjali”.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en