“IL-GVERN WIEGĦED IMPENN SĦIH BIEX IL-WASTESERV TILĦAQ L-GĦANIJIET TAGĦHA MINKEJJA L-ISFIDI LI GĦANDHA QUDDIEMHA” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Illum waranofsinhar il-Ministru Leo Brincat kellu laqgħa mal-impjegati kollha tal-WasteServ. Laqgħa li saret fuq inizjattiva tal-Ministru anke wara talbiet li kellu mill-istess impjegati. L-iskop kien biex l-impjegati tal-WasteServ kellhom l-opportunità li jesprimu punti u mistoqsijiet marbutin mal-operat tal-WasteServ. Il-Ministru Leo Brincat qal li huwa għażel li jisma’ lill-impjegati biex ikollu stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fi ħdan il-kumpanija u ħadd ma kellu jħossu intimidat milli jitkellem.
Qal li r-responsabbilità titlob li jkun hemm analiżi tas-sitwazzjoni kollha tal-WasteServ, anke fil-konfront tal-finanzi pubbliċi li fuqhom tiddependi kull azjenda tal-Gvern. Fakkar li t-taxpayer Malti qed iħallas għal kull infiq li jsir mill-kumpanija, kemm infiq kapitali, xiri, tenders, trasport u spejjeż oħra.
Il-Ministru Leo Brincat qal li hu qatt ma zamm lura milli jitkellem u jikkritika ċerti affarijiet li kienu għaddejjin fil-WasteServ. Fakkar fil-kritika iebsa li saret mill-Awditur Generali u mill-Aġenzija Ewropeja tal-Ambjent, ftit tal-ġranet ilu biss.
Qal li l-funzjoni u l-operat tal-WasteServ jibqgħu important ħafna, anke għall-fatt li bħala pajjiż għandna d-dmirijiet u l-obbligi biex nimxu mal-aħjar prattiċi dwar l-iskart li jeżistu fl-Unjoni Ewropeja. Il-Ministru Leo Brincat wiegħed impenn sħih biex il-WasteServ tilħaq l-għanijiet tagħha minkejja l-isfidi li għandha quddiemha.
Il-Ministru Leo Brincat reġa’ tenna l-wegħda tal-Gvern li se jiġu rispettati l-kuntratti ta’ xogħol li għandhom l-impjegati kollha tal-WasteServ. Qal li l-Gvern lest li jaħdem id f’id ma’ kull min lest li jaħdem miegħu biex il-WasteServ tilħaq l-għanijiet tagħha u huwa importanti li jkun hemm rispett u lealtà lejn il-kumpanija nnifisha.
Bl-istess mod kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu, jekk ikomplu jirriżultaw rapporti dwar affarijiet, li setgħu tmexxew b’nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ good governance u kontabbiltà.
Il-Ministru Leo Brincat qal li huwa fiduċjuż li minkejja l-isfidi li għandha quddiemha l-WasteServ, il-maġġoranza tal-impjegati se jagħtu sehemhom biex il-kumpanija tilħaq l-għanijiet tagħha. Tul il-laqgħa, li għaliha kienu preżenti l-mezzi tax-xandir, kienu bosta l-impjegati li għamlu l-interventi tagħhom fejn semmew nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-problemi li qed jaffaċċjaw l-impjegati Għawdxin. Dawk li tkellmu talbu assigurazzjoni li ma jiġux blacklisted mill-management, assigurazzjoni li l-Ministru tahom dak il-ħin.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en