LAQGĦA MA’ DELEGAZZJONI TAL-KAMRA TAL-KUMMERĊ BEJN MALTA U L-LIBJA
Il-Gvern Malti se jagħmel dak kollu li jista’ biex jibqa jsaħħa r-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-Libja. Dan kien il-messaġġ li wassal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti George Vella f’laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ bejn Malta u il-Libja u li għaliha attendew ukoll il-Ministri Chris Cardona u Manwel Mallia, responsabbli mill-Ekonomija, Investiment u Self Employed u mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali rispettivament.
Matul il-laqgħa kienu diskussi diversi temi li jolqtu lin-negozjanti Maltin li għandhom interessi fil-Libja u kif tista’ titkattar il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ħalli tiżdied il-preżenza ta’ Malta fil-Libja.
Wara l-perjodu ta’ gwerra ċivili, il-Libja qed tirritorna lura l-istabbiltà u dan għandu jkun ta’ vantaġġ għal dawk kollha li jridu jesploraw il-possibbiltà ta’ kummerċ f’dan il-pajjiż li għandu riżorsi kbar u sfidi kbar quddiemu qal il-President tal-Kamra tal-Kummerċ bejn Malta u l-Libja, Anthony Micallef.
Il-Gvern Malti jrid jara li jitjiebu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi billi jkunu indirizzati diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fosthom, problemi dwar dħul u ħruġ relatati mal-VISA.
Hija l-mira ewlenija ta’ dan il-Gvern li juża l-għodda kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex mill-isforzi diplomatiċi pajjiżna jiggwadanja ekonomikament.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en