IL-GVERN IQIS IT-TFAL FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA TAS-SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Waqt it-tnedija tal-ktieb It-Tifel tal-Istitut ta’ David Azzopardi fl-Embassy Complex, il-Belt Valletta, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-gvern huwa mpenjat li jqis it-tfal fiċ-ċentru tal-politika tas-solidarjeta’ soċjali.
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li filwaqt li l-istituti jagħmlu ħilithom biex joffru l-aħjar, skond iċ-ċensiment tal-2011 hemm kważi sitt mitt tifel u tifla li jinsabu fl-istituti.
Dan, għall-Gvern huwa nkwetanti u għalhekk l-aħjar ambjent għat-tfal tibqa’ l-familja.
Il-Gvern se jkun qed iwaqqaf unit għat-tisħiħ tal-addozzjoni u l-fostering.
Fl-addozzjoni t-tfal jridu jħossuhom parti mill-familja filwaqt li l-Istat għandu jirrikonoxxi aktar is-servizz li jagħtu l-foster parents.
L-Onorevoli Coleiro Preca qalet li l-Gvern se jkun qed jindirizza anomaliji li jeżistu bħalissa, fejn hemm tfal b’care-orders jingħataw ferm aktar allowance minn dawk it-tfal mhux b’care-order.
Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif il-Gvern se jkun qed iwaqqaf working group li jiġbor fih professjonijisti u persuni minn diversi entitajiet sabiex żgħażagħ li jagħlqu tmintax-il sena u joħorġu mill-istituti tat-tfal, jingħataw l-appoġġ permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, edukazzjoni u akkomodazzjoni adattat għalihom.
Coleiro Preca filwaqt li rringrazzjat lill-Knisja tal-kontribut siewi tagħha tul is-snin fil-qasam soċjali sabiex toffri kenn u ambjent ta’ familja lil tfal fl-istituti, l-Ministru qalet li hekk kif dawn it-tfal jagħlqu tmintax-il sena, jrid ikun l-Istat li jagħtihom l-għajnuna kollha possibli.
Waqt it-tnedija tal-ktieb, il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-awtur David Azzopardi u l-pubblikaturi Agius & Agius li tawha opportunità sabiex turi kif il-Gvern huwa impenjat li jaħdem sabiex it-tfal kollha jgħixu ħajja dinjituża u f’ambjent li jixirqilhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en