L-ONOR. MICHAEL FARRUGIA JILTAQA’ MAL-BOARD IL-ĠDID TAL-MEPA
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu ġewwa l-MEPA fil-Floriana, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-Onorevoli Michael Farrugia, attenda għall-ewwel laqgħa tal-Board il-ġdid tal-MEPA.
Waqt diskors ta’ introduzzjoni Michael Farrugia tkellem dwar il-pjanijiet li qegħdin jiġu riveduti fil-MEPA, fosthom dwar pjan ta’ żviluppi ġodda u anki dawk lokali.
Michael Farrugia qal illi dan il-Bord huwa maħtur għal 3 snin u l-kuntratt ta’ kull membru ma jistax ikun imġedded għal aktar minn sebgħa snin.
Is-Segretarju Parlamentari qal illi għall-ewwel darba saret talba mal-NGO’s biex minnhom tintagħżel persuna fuq il-bord tal-MEPA.
Michael Farrugia saħaq dwar l-importanza ta’ dan il board li se jkun qed jaħdem għar-riforma tal- MEPA biex is-setturi tal-Ippjanar u l-Ambjent jinqasmu f’żewġ entitajiet differenti.
Fuq din l-inizjattiva, il-Board tal-MEPA se jiġi kkonsultat b’mod regolari.
Is-Segretarju Parlamentari qal li se jkunu qed jitħabbru wkoll ċertu innovazzjonijiet flimkien ma’ sejħiet ta’ interess għal proġett kbir li huwa ppjanat fix-xhur li ġejjin. Proġett illi kienu diġà saru diskussjonijiet dwaru qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Michael Farrugia qal li dan se jkun proġett xi ftit differenti għal pajjiżna iżda li f’pajjiżi oħra diġà qed jitħaddem.
L-Onorevoli Farrugia ħabbar illi l-Perit Robert Musumeci ġie maħtur bħala konsulent dwar l-istruttura u r-riforma tal-MEPA. Michael Farrugia qal illi l-perit Robert Musumeci kien anki kkonsultat mill-gvern preċedenti fuq affarijiet relatati mal-MEPA. B’hekk ikompli jagħti pariri dwar problemi li jistgħu jinqalgħu u se jkun qed jagħti pariri dwar il-qasma li trid issir bejn l-ippjanar u l-ambjent.
Michael Farrugia ħabbar ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin il-Board tal-MEPA se jkun qed jiltaqa’ darbtejn fil-ġimgħa biex tkun indirizzata l-problema tax-xogħol b’lura li jeżisti.
Waqt l-istess laqgħa tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Board, il-Perit Vince Cassar.
Huwa qal illi ftit taż-żmien ilu kien fuq in-naħa l-oħra bħala l-President tal-Kamra tal-Periti u llum li jinsab fuq in-naħa l-oħra jista’ jifhem aktar dak li jsir fuq barra mingħand il-periti.
Il-Perit Cassar qal illi se jkun qed jaħdem biex itejjeb is-sistema li tkun aktar trasparenti u ‘user friendly’.
Qal illi dak li jsir min-naħa tal-MEPA mhux biss għandu impatt fuq l-ekonomija, l-impjiegi u l-ambjent iżda wkoll fuq il kwalità tal-ħajja li jgħixu n-nies.
Filwaqt li awgura lill-membri kollha, il-Perit Vince Cassar qal li hemm bżonn tinħoloq sinerġija bejn il-board kollu flimkien mal-Environement and Planning Commissions u b’hekk ikun magħruf jekk hemmx bżonn jinbidlu xi policies, fl-istess ħin li jkun hemm ukoll interpretazzjoni ta’ dawk il- polices li diġà jeżistu.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en