IL-MINSITRU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA JOE MIZZI, IĦABBAR LI SE JSIRU TIBDILIET FIR-ROTOT TAL-LINJA FIX-XHUR LI ĠEJJIN
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi ħabbar li matul ix-xhur li ġejjin, se jsiru numru ta’ tibdiliet fis-settur tat-trasport pubbliku, fosthom tibdil f’ċerti rotot tal-karozzi tal-linja.
Huwa qal li f’dan il-qasam, hemm problemi ġejjin minn tliet fronti ewlenin – min-naħa ta’ min jipprovdi s-servizz, min-naħa tal-ħaddiema u min-naħa tal-pubbliku. Qal li wieħed irid iżomm f’moħħu li biex naslu għal sitwazzjoni fejn ikollna servizz ta’ trasport pubbliku mixtieq minn kulħadd, importanti li kulħadd jagħti sehemu, biex iktar persuni jibdew jużaw it-trasport pubbliku u jkollna inqas traffiku fit-toroq tagħna.
Huwa qal dan meta aktar kmieni llum, laqa’ fl-uffiċċju tiegħu lill-amministrazzjoni tal-GWU, immexxija mis-Segretarju Ġenerali Tony Zarb, għal laqgħa kordjali, li matulha awgurawlu għall-ħidma l-ġdida tiegħu bħala Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Huwa fakkar li diġa beda jaħdem fuq il-kwistjonijiet pendenti li hemm fil-qasam tat-trasport pubbliku, waqt li fakkar li l-pubbliku għad baqagħlu sa ġimagħtejn oħra ċans biex iwassal l-ilmenti tiegħu dwar is-servizz. Minn hemm, mistennija ssir konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti biex jinsabu l-aħjar soluzzjonijiet.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar ix-xogħol prekarju u wera t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li kemm fil-qasam tat-tindif u anke fil-qasam tal-kostruzzjoni, għadhom jingħataw kuntratti ta’ dan it-tip. Huwa qal li se jimpenja ruħu u jiżgura li dawn il-ħaddiema ma jibqgħux jitħaddmu b’kundizzjonijiet prekarji. Barra minn hekk, semma’ wkoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u qal li anke dan huwa qasam li ftit li xejn jingħata prijorità f’pajjiżna. Il-Ministru fil-fatt diġa wettaq għadd ta’ miżuri biex inaqqas il-periklu li kien hemm f’ċerti proġetti kapitali, fosthom dak tal-Kottonera, fejn fil-ġranet li għaddew, inbena ċint temporanju biex titħares is-saħħa u s-sigurta. Dwar l-għoti ta’ tenders u kuntratti prekarji, il-Ministru qal li fejn ikun hemm bżonn, id-diskussjonijiet isiru bl-involviment tal-unjins, biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet jiġu osservati mingħajr ma jinkisru liġijiet.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Gvern jinsab kommess li jwettaq il-proposti li wiegħed fil-manifest elettorali u fakkar ukoll li fil-ġranet li għaddew beda proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali biex ikun f’pożizzjoni aħjar li jifhem x’inhuma l-problemi pendenti li għandhom fil-lokalita tagħhom.
Huwa tenna li kulħadd irid jinżamm ‘accountable’ ta’ għemilu, waqt li fakkar li se jiġi żgurat li l-proġetti jitlestew fi żmien miftiehem u l-andament irid jitmexxa b’serjetà.
Joe Mizzi qal li meta daħal għall-ħidma tiegħu sab li kien hemm fondi tal-UE minn ċerti proġetti li jistgħu jintilfu, iżda l-Ministeru qed jieħu l-passi neċessarji biex jara li dan ma jseħħx. Barra minn hekk, sab ukoll li kien hemm fondi disponibbli mill-UE li qatt ma ntalbu mill-Gvern preċedenti u sostna li dwar dan, il-Ministeru tiegħu qed jaħdem biex ikunu jistgħu jinkisbu.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en