IL-MINISTRU JOE MIZZI JIBDA JILTAQA’ MAL-KUNSILLI LOKALI
Kif ħabbar fil-ġranet li għaddew, dalgħodu, il-Ministru għat-Toroq u l-Infrastruttura Joe Mizzi beda bl-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat mal-Kunsilli Lokali bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni dwar materji importanti li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu.
L-ewwel laqgħa saret dalgħodu mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, waqt li t-tieni waħda saret mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Kunsilli Lokali ressqu s-suġġerimenti tagħhom lill-Ministru, tkellmu miegħu dwar proġetti li waqgħu lura, dwar problemi ta’ traffiku u dwar nuqqasijiet li hemm fis-sistema tat-trasport pubbliku u fit-toroq ewlenin.
F’kummenti lill-midja, il-Ministru qal li matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-problemi kollha se jingħataw widen u se jiġu evalwati skont l-importanza tagħhom. Se jiġu kkunsidrati l-proposti kollha u l-azzjoni tittieħed skont il-liġi mingħajr ma jinħoloq periklu.
Il-problemi li jeħtieġ intervent immedjat fuqhom, qal il-Ministru, se jiġu indirizzati mill-iżjed fis skont il-pariri tal-esperti, waqt li oħrajn li jeħtieġu iżjed attenzjoni, se jitfassal programm għal matul il-ħames snin li ġejjin.
Il-Ministru Joe Mizzi kien akkumpanjat mill-Periti Chris Cachia u Joe Borg Grech kif ukoll minn uffiċjali ta’ Transport Malta.
Nhar it-Tnejn li ġej, il-laqgħat mal-Kunsilli Lokali se jitkomplew f’lokalitajiet oħrajn fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en