KONTINWITÀ FIS-SETTUR TAT-TURIŻMU... IL-MINISTRU TAT-TURIŻMU JILTAQA’ MAL-ASSOĊJAZZJONI TAL-LUKANDI U R-RISTORANTI L-MHRA
Il-gvern se jkun qed jara li s-settur tat-Turiżmu jibqa’ għaddej mingħajr skossi żejda.
Sostna dan il-Ministru tat-Turiżmu Dr Karmenu Vella fl-ewwel laqgħa li kellu t-Tnejn filgħodu mal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA.
Il-Ministru Vella enfasizza li l-gvern se jkun qed jadotta rwol li jisma’ mingħand dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur, biex jittieħdu dawk il-miżuri neċessarji biex it-turiżmu jkompli jimxi ’l quddiem, ikompli jikber u jitjieb.
Qal li filwaqt li l-figuri huma inkoraġġanti, dawn iridu jissarfu fi profitti għall-industrija biex eventwalment jerġa’ jiżdied l-investiment, jitjieb il-prodott u jiġu ġġenerati aktar impjiegi.
Spjega wkoll illi s-settur tal-avjazzjoni se jkun qed jingħata attenzjoni biex ikun jista’ jagħti kontribut iktar siewi lis-settur tat-turiżmu. Il-ministru saħaq fuq il-bżonn illi l-istakeholders kollha tas-settur jaħdmu flimkien fl-interess ewlieni tat-turiżmu.
Il-president tal-MHRA Tony Zahra tkellem fuq l-importanza tal-kontinwità u s-sostenibilità fis-settur turistiku. Semma kif filwaqt li l-ammont ta’ turisti sa issa huwa pożittiv, hemm bosta problemi li jridu jiġu indirizzati. Huwa elenka tliet prijoritajiet ewlenin li jinkludu r-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma fejn qal li l-gvern huwa kommess li jraħħashom, it-tnaqqis tal-VAT fuq it-turiżmu minn sebgħa għal ħamsa fil-mija u żieda fl-ammont ta’ wasliet tat-turisti fix-xhur tax-xitwa.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Josef Formosa Gauci.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en