Left arrow Go Back

SERVIZZ ĠDID LI SE JIBDA JILQA’ L-ILMENTI U SUĠĠERIMENTI MILL-PUBBLIKU ĠENERALI U MINN KULL MIN HUWA INVOLUT FIL-QASAM TAT-TRASPORT PUBBLIKU

pr0431
Date Icon 22/03/2013

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi ħabbar li b’effett immedjat, se jitwaqqaf servizz ġdid li se jibda jilqa’ l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-pubbliku u ta’ min huwa involut fis-settur tat-trasport pubbliku, inkluż il-ħaddiema.

L-għan tal-Gvern huwa li permezz ta’ din is-sistema, ikollu stampa ċara f’idejh dwar x’inhuma n-nuqqasijiet li hemm fis-settur u b’hekk ikunu jistgħu jitfasslu pjani, skont il-bidliet meħtieġa.

Il-Ministru Joe Mizzi qal, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Sa Maison, li f’dan il-qasam għad hemm problemi kbar u biex jiġu indirizzati l-problemi, iridu jiġu mismugħin l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-pubbliku u anke ta’ dawk li jaħdmu fis-settur.

Is-suġġerimenti u l-ilmenti se jiġu evalwati biex sussegwentament, ikunu jistgħu jibdew id-diskussjonijiet ma’ kull min huwa konċernat.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-għan tal-Gvern huwa biex dan is-servizz jingħata b’dinjità u jkun rikonoxxut mill-poplu kollu, filwaqt li żied jgħid ukoll li l-ilmenti li diġà saru fil-passat mhumiex se jigu injorati.

Wara dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, se jigu involuti wkoll il-Kunsilli Lokali biex jiġu analizzati l-problemi li hemm f’kull lokalità.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, ingħataw dettalji dwar kif se taħdem is-sistema minn Konrad Pulè, uffiċjal għoli fi Transport Malta u minn Victor Battistino, li huwa Senior Manager fid-dipartiment tal-‘Customer Care’.

Kull min għandu suġġeriment jew ilment li jixtieq iressaq rigward it-trasport pubbliku, jista’ jibgħat imejl fuq info.tm@transport.gov.mt

Matul il-ħinijiet tal-uffiċċju, li huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00a.m. u 4.30p.m., wieħed jista’ jcempel il-‘call centre’ fuq freephone 80072309 jew 80072393. Il-pubbliku jista’ jwassal l-ilmenti jew suġġerimenti tiegħu matul l-erba’ ġimgħat li ġejjin.

Transport Malta se tindirizza kull telefonata jew imejl li tidħol dwar dan is-suġġett, madankollu qiegħda titlob lill-pubbliku biex ikun konċiż f’dak li jrid jgħid.

Il-Ministru qal ukoll li l-problemi fi Transport Malta se jingħataw prijorità, bħalma qed jingħataw ukoll prijorità setturi oħrajn li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu, bħal proġetti tal-Gvern, bħalma huwa dak tal-Kottonera, fejn il-Ministru diġà ħabbar fil-ġranet li għaddew, li l-Gvern se jara li jitlesta kemm jista’ jkun malajr.

F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru kkonferma li James Piscopo se jkun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Transport Malta. Huwa ddeskriva lil Piscopo bħala persuna kompetenti ħafna li ċertament se jaħdem biex itejjeb is-servizz f’dan is-settur.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow