IL-MINISTRU KONRAD MIZZI F’DIVERSI LAQGĦAT MAL-KAPIJIET TAL-ENTITAJIET MARBUTA MAL-QASAM TAL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA KIF UKOLL MAL-ĦADDIEMA TAGĦHOM
Fl-aħħar jiem il-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma l-Onorevoli Konrad Mizzi żar id-diversi entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn mhux biss iltaqa’ mal-kapijiet tagħhom iżda wkoll mal-ħaddiema ta’ dawn l-entitajiet.
Fl-ewwel jiem tiegħu bħala Ministru resposabbli minn dawn l-oqsma, il-Ministru Konrad Mizzi żar l-Enemalta fil-Marsa fejn kellu laqgħa maċ-Chairman Eżekuttiv Louis Giordimaina.
Matul din il-laqgħa, huma ddiskutew il-proġett tal-Gvern li se jwassal għal roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’medja ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija u ħamsa fil-mija rispettivament.
Fl-istess jum, huw żar ukoll Arms Ltd. fejn kellu laqgħa wkoll maċ-Chairman Eżekuttiv Wilfred J Borg.
L-Onorevoli Mizzi staqsa dwar is-sistemi li jintużaw b’rabta mal-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll dwar l-ismart metering.
Żjarat oħra li saru fil-jiem ta’ wara mill-Ministru Mizzi kienu fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u fl-Awtorità Maltija għar-riżorsi.
F’laqgħa li kellu mal-Kap eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Marc Muscat, il-Ministru Mizzi tkellem dwar l-operat tal-kumpanija kif ukoll dwar il-pjan tal-Gvern għal konservazzjoni tal-ilma.
Waqt li fil-laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, is-sur Anthony Rizzo, il-Ministru Mizzi ddiskuta r-regolamentazzjoni, u l-politika li ser tkun qed tiġi addottata minn dan il-Gvern.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en