MESSAĠĠ LIN-NAZZJON MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT
Insellmilkom.
Bl-Elezzjoni Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2013 intbagħat sinjal ċar mill-poplu Malti u Għawdxi li jrid jinqata’ mill-politika tal-passat u jara stil ġdid ta’ tmexxija.
Il-messaġġ ma ntbagħatx biss lil xi partit jew ieħor, imma ntbagħat lill-politiċi kollha.
Il-politika ta’ għaqda li mexxejna matul il-kampanja, se nkomplu mmexxu biha fil-Gvern. Ġejna eletti bħala moviment u se niggvernaw bħala moviment.
Il-maġġoranza kbira li nkisbet tpoġġilna iktar saqajna mal-art.
Id-deċiżjonijiet li għandna nieħdu se neħduhom.
Imma se mmexxu b’umiltà.
Irridu ninkludu lil kulħadd fid-deċiżjonijiet il-kbar li se jittieħdu minn dan il-Gvern Ġdid. Għall-Gvern tiegħi, kull min irid jagħti sehemu biex pajjiżna jimxi ‘il quddiem, se jingħata l-ispazju kollu li hemm bżonn.
It-transizzjoni li qed issir fil-pajjiż hija waħda trankwilla u qed issir f’serenità. Aħna se nkomplu mmexxu fuq din il-linja.
Minkejja d-distakk elettorali, ma aħniex se nirrendu rrelevanti lill-Oppożizzjoni. Id-demokrazija tagħti s-setgħa lil min imexxi. Imma min imexxi għandu jirrispetta u joqgħod għall-iskrutinju pubbliku u tal-avversarji tiegħu.
Jien mhux lest ngħaddi minn fuq ħadd. Dan filwaqt li naraw li min fil-passat sofra xi forma jew oħra ta’ inġustizzja, jieħu r-rimedju li ħaqqu, mingħajr ma noħolqu inġustizzji ġodda.
Issa ż-żmien li nibdew inwettqu fil-prattika dak li tkellimna fuqu matul l-aħħar xhur. It’s time to deliver.
Pajjiżna jistħoqqlu stabbiltà. U se nagħtuh dik l-istabbiltà wara kważi iktar minn sena li matulha l-poplu ma kienx jaf fejn jinsab mal-gvern tiegħu.
L-ewwel prijorità ta’ Gvern Ġdid se tkun li ngħaddu l-Budget għall-2013. Kif wegħdna, se nkunu qed inżommu l-Budget kif imressaq mill-amministrazzjoni preċedenti bid-differenza li nirrangaw it-taxxa minn fuq il-minimum wage. Dan biex nibdew nibagħtu sinjal ta’ ċertezza.
Se nkunu qed nibdew minnufih il-pjan tagħna tal-enerġija biex nagħtu lill-familji kontijiet orħos u arja iktar nadifa. Din hija prijorità għal pajjiżna biex naraw li jkollna security of supply fl-istess waqt li ma nkomplux nagħfsu lin-nies bil-piżijiet tal-kontijiet. Dan se nagħmluh biex inkomplu nagħtu nifs lill-ekonomiija tagħna u nkomplu nagħtu spinta ‘il quddiem lill-ħolqien tax-xogħol.
Gvern Ġdid se jkun qed idaħħal diversi miżuri biex nagħtu sinjal lill-poplu Malti u Għawdxi li se nkunu qed innaddfu l-politika. Se ndaħħlu kemm jista’ jkun malajr il-liġi tal-Whistleblower, se nneħħu l-preskrizzjoni fuq il-politiċi u se naraw li jkollna liġi għall-finanzjament tal-partiti.
Irrid nara li l-politiċi jerġgħu jiksbu l-fiduċja tal-poplu u għalhekk qed nikkommetti ruħi li l-kabinett ma jieħux iż-żieda ta’ €500 fil-gimgħa li kellna matul il-leġislatura li għaddiet. Nemmen li meta intom il-familji u n-negozji tħarsu lejna, tridu taraw politiċi li jaħdmu daqskom u għalikom.
Il-programm leġislattiv tal-Gvern irid ikompli minnufih. Hemm liġijiet importanti li jridu jibdew jitħaddmu. Il-liġi tal-IVF u tal-Parole huma fost il-liġijiet li rridu naraw li jibdew jitwettqu fil-prattika.
Sal-aħħar tas-sena rridu li jkollna riforma fil-qasam tal-Ġustizzja biex nerġgħu nkattru l-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna li fl-aħħar xhur sofriet daqqiet minħabba individwi li żbaljaw, imma wkoll minħabba li hemm bżonn checks and balances aħjar. Sistema tal-ġustizzja li matul iż-żmien saret inqas effiċjenti u li kienet qed toħloq problemi ġodda lil min kien qed imiss magħha.
Se nibdew ukoll ix-xogħol relatat mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tal-2017. Dan irid ikun sforz nazzjonali li jibda minn issa. Irridu nuru li Malta mhijiex biss membru tal-Unjoni Ewropea, imma membru attiv u li kapaċi tkun l-aqwa.
Is-Summit ta’ nhar il-Ħamis li ġej li se nattendi għalih fi Brussel se jkun okkażjoni importanti għal pajjiżna. Il-messaġġ li se nibagħtu huwa wieħed ta’ kontinwità. Iżda mhux se niddejqu nerfgħu r-responsabbiltajiet fejn għandna nerfgħuhom u lesti nieħdu deċiżjonijiet sodi anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taħdidiet fl-Unjoni Ewropea.
Dan huwa mument importanti għal pajjiżna. Irridu nbiddlu d-direzzjoni lejn tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd. Irridu noħolqu iktar xogħol u xogħol ta’ kwalità. Irridu li nagħmluha iktar faċli lin-negozji biex jaħdmu billi nnaqqsu l-burokrazija. Għandna ħafna xogħol x’isir biex intejbu l-effiċjenza u ndaħħlu mmaniġġjar aħjar fil-qasam tas-saħħa fejn il-privat se jkun ħolqa importanti biex naslu għal dan l-għan. Fil-qasam tal-edukazzjoni għedna diġà – m’aħniex se nesperimentaw b’uliedna. B’hekk se nibnu fuq it-tajjeb li sar, inkomplu bil-programm ta’ bini ta’ skejjel. Fl-istess waqt indaħħlu titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u anke ngħinu biex iktar studenti jkomplu jistudjaw wara l-età ta’ sittax-il sena.
Dan kollu jista’ jsir. U nistgħu nagħmlu u niksbu ħafna iktar. Iżda għandi bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd biex verament nilħqu l-għan tagħna. Li nkunu pajjiż wieħed, magħqud, li nużaw is-servizz ta’ kull min lest li jgħin. Biex fil-prattika, u mill-Gvern, ikollna verament Malta li tkun tagħna lkoll.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en