STQARRIJA TAL-GVERN
Ħatriet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Illum wara nofs in-nhar tħabbru l-ewwel tliet ħatriet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-ewwel ħatra hija dik ta’ Segretarju tal-Kabinett u ta’ Segretarju Permanenti Prinċipali, li hu wkoll il-Kap taċ-Ċivil. Din se tkun qed tintela mis-Sur Mario Cutajar. Il-kariga ta’ Segretarju Permanenti Prinċipali u Kap taċ-Ċivil f’dan il-perjodu hija fuq bażi ‘designate’.
Mario Cutajar ilu fis-servizz pubbliku sa mill-1976 u ħadem f’għadd ta’ ministeri u dipartimenti. Huwa ħadem ukoll fis-servizz pubbliku u fil-privat f’ħatriet maniġerjali. Is-Sur Cutajar kien ukoll uffiċjal trejdunjonistiku għal diversi snin.
Fil-perjodu li fih is-Sur Cutajar se jkun ‘designate’, Dr. Godwin Grima se jibqa’ s-Segretarju Permanenti Prinċipali.
L-Amministrazzjoni l-ġdida qed tintroduċi struttura ġdida għas-segretarjati tal-Prim Ministru u l-kumplament tal-Kabinett. Is-Segretarjat tal-Prim Ministru se jkun immexxi minn Chief of Staff.
Iċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru se jkun is-Sur Keith Schembri.
Keith Schembri għandu 37 sena u qed iġib dimensjoni ġdida għas-sistema tal-Gvern minħabba l-background tiegħu fil-qasam tan-negozju. Il-kisbiet tiegħu u s-sens ta’ tmexxija u kreattività flimkien mal-fatt li jifhem sew il-bzonnijiet tal-investituri f’pajjiżna għandu jgħin biex il-Gvern jibqa’ jifhem il-bżonnijiet tal-persuni li joħolqu l-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna.
Is-Sur Schembri kien ukoll il-persuna inkarigata mill-Kampanja Elettorali tal-Partit Laburista. Biex tkun assigurata trasparenza s-Sur Schembri se jkun qiegħed iħalli l-postijiet ta’ direttorati kummerċjali li għandu.
Il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern se jkun is-Sur Kurt Farrugia.
Is-Sur Farrugia għandu 31 sena u beda l-karriera tiegħu fil-ġurnaliżmu. Għall-aħħar snin kien id-Direttur tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Laburista.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en