DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINSITRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TAS-SAĦĦA TAL-MOSTA, IL-MOSTA - IT-TNEJN, 4 TA' MARZU 2013
Prim Ministru,
Sindku,
Sinjuri,
Is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi dejjem kienet prijorita` tul dawn il-ħames snin ta’ dan il-Gvern. Xhieda ta’ dan hija din l-okkażjoni tal-lum, fejn qegħdin ninawguraw il-ftuħ mill-ġdid taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Entita` importanti fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Tul din il-leġislatura irsistejna b’mod kontinwu u konsistenti sabiex nagħtu anke lis-settur tal-kura primarja pożizzjoni ewlenija, kif inhu xieraq li jkollu dan is-settur f’kull sistema tas-saħħa. Nuqqas f’dan is-settur tal-kura primarja jikkomprometti l-effiċjenza ta’ setturi oħra fi ħdan is-sistema tas-saħħa u l-għarfien ta’ dan il-fatt huwa rifless fil-pjan ta’ ħidma tagħna.
Bnejna u stabillixxejna settur tas-saħħa sekondarju u akut sod, bi sptar ewlieni, l-isptar Mater Dei, imdawwar bi sptarijiet li jaħdmu f’katina madwaru. Nixtieq nieħu l-opportunita` li nsellem lil ħaddiema kollha fl-isptarijiet tagħna – ħolqa kbira fil-katina tas-sistema tas-saħħa li tant rat investiment f’dawn l-aħħar snin. Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija huwa l-aħħar timbru ta’ l-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tassigura l-aħjar servizz tas-saħħa, għal kull individwu f’pajjiżna.
Saħħaħna wkoll l-kura fil-komunita`, b’investiment kontinwu. Kabbarna s-settur terzjajru b’tiġdid ta’ servizzi konsistenti. Hawnhekk ippermettuli nsellem lil Onor. Mario Galea għad-direzzjoni u impenn tiegħu f’dawn l-oqsma. Dawn l-anzjani llum sabu dar u kenn fis-swali ta’ SVPR; dawk l-individwi morda, ħafna minnom b’mard kroniku, illum jirċievu kull forma ta’ għajnuna f’darhom stess, u dawn jistgħu jkunu xhieda tal-progress li sar fis-settur tas-saħħa terzjarja.
L-għan tagħna kien dejjem wieħed: li nsaħħu u nsebħu kull binja f’dan is-settur, filwaqt li nassiguraw riżorżi umana u swali li jkunu mgħammra b’apparat tal-aħjar kwalita` u teknoloġija moderna. Hekk biss nistgħu noffru qabża ta’ kwalita` fis-settur tas-saħħa.
Dan it-tiġdid ma sarx waħdu. Bdejna bi studju u analiżi serja tas-sitwazzjoni eżistenti. Dan l-eżerċizzju wassal għall-iżvilupp ta’ proposta għal riforma kbira. Wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa tal-imsemmija proposta, bdejna nwettqu, pass wara pass il-frott ta’ din il-konsultazzjoni: l-introduzzjoni tal-myhealth, sistema realtime ta’ informazzjoni u data tal-pazjent fis-sistema tas-saħħa, l-introduzzjoni ta’ clinics tal-kura primarja, u ħafna oħrajn.
Illum b’sodisfazzjon qegħdin niftħu dan iċ-Ċentru Reġjonali tas-saħħa li se joffri firxa wiesgħa ta’ clinics, firxa akbar ta’ professjonisti, servizzi u interventi. U dan kollu fuq medda ta’ ħinijiet itwal matul il-ġranet kollha tal-ġimgħa. Insemmi per eżempju l-wound care room, li ser ikun servizz fejn il-kura tal-feriti ta’ nies li jgħixu f’dawn l-inħawi ser tkun provduta b’mod aktar komdu u servizz fil-viċin. Dawn il-fatturi kollha huma vantaġġi li għandhom jissarfu tajjeb lejn il-kura u fejqan tal-pazjent. Il-plaster room, il-minor interventions room, huma wkoll żviluppi oħrajn li ser jgħinu għal servizz aktar komdu, konvenjenti u effettiv għal kull individwu li jirrikejdi dan is-servizz.
Dawn is-servizzi u clinics ġodda sejrin jgħinu wkoll biex itaffu mid-domanda enormi li Mater Dei qiegħed jesperjenza. Interventi kirurġiċi żgħar, u kura ta’ feriti u ġibs għal ksur, li huma wħud mis-servizzi li ser ikunu provduti hawn. Dawn is-swali u servizzi ġodda mhux biss ser joffru ambjent mill-aqwa għall-professjonisti imma wisq aktar joffru trattament tal-ogħla kwalita` lill-pazjenti li ser jużawhom.
Li pazjent ikun moqdi aħjar, kien, għadu u jibqa’ l-għan aħħari tagħna. Nafu li dan iċ-ċentru ser jissarraf f’kura u servizz aħjar għall-pazjent.
Biex wasalna s’hawn, kellna nuru kuraġġ kbir, għax l-isfidi ma kienux żgħar.
B’kuraġġ għarafna li kellna ħafna xogħol x’nagħmlu fis-settur tas-saħħa primarja.
B’kuraġġ ippjanajna x-xogħol, l-iżvilupp u l-investiment.
B’kuraġġ bdejna nwettqu l-pjan tagħna.
B’kuraġġ wasalna għall-ġurnata tal-lum fejn qegħdin ninawguraw l-ewwel Ċentru Reġjonali tas-saħħa f’pajjiżna. Ħolqa prominenti tas-settur tal-kura primarja moderna.
B’kuraġġ ser inkomplu bil-pjan u ħidma tagħna f’dan is-settur. Illum għandkom xhieda ħajja li qegħdin fit-triq it-tajba u bdejna naħsdu l-frott tal-istudji li saru. Nixtieq għalhekk nieħu l-opportunita` sabiex nirringrazzja lil kull min ta’ sehem biex dan l-avvanz ikun possibli. Grazzi lil kulħadd tal-pariri, fhemiet u ideat differenti biex noffru l-aqwa u l-aħjar servizz.
B’kuraġġ inkomplu nġeddu l-impenn tagħna biex nibqgħu ntejbu s-servizzi fil-qasam tas-saħħa, għax saħħtek għal qalbna.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en