Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TAS-SAĦĦA TAL-MOSTA, IL-MOSTA - IT-TNEJN, 4 TA' MARZU 2013

pr0345
Date Icon 04/03/2013

Onorevoli Ministru,

Mistiedna distinti,

Sinjuri,

Is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi hi u tibqa’ prijorità għall-Gvern immexxi minni. 

Il-preżenza tagħna hawn illum f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta tixhed l-impenn tal-Gvern lejn is-sistema kollha tas-saħħa.

Illum qed nuru l-bidu tat-trasformazzjoni sħiħa li l-Gvern irid fil-kura primarja.

Dan iċ-Ċentru, kif smajtu u kif tistgħu taraw b'għajnejkom, mhux biss joffri ambjent mill-aqwa għall-professjonisti imma wisq aktar joffri kura tal-ogħla kwalità lill-pazjenti li se jużaw is-servizzi ta' dan iċ-Ċentru.

Ċentru li llum hu mgħammar b'sala għall-interventi minuri u li joffri numru ta' servizzi ġodda.  Investejna fit-teknoloġija sabiex ir-riżultati jkunu aċċessibbli lill-konsulenti u t-tobba f'Mater Dei. 

Huwa tassew investiment li se jagħmel differenza fil-ħajja tar-residenti tal-Mosta u tal-inħawi.  Fi ftit ġimgħat oħra r-residenti tar-Rabat u tal-inħawi wkoll se jkunu qed jibbenefikaw minn proġett simili hekk kif bħalissa għaddej ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.

Dan l-investiment u tant oħrajn huma msejsa fuq il-prinċipju u t-twemmin li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika tagħna kemm jekk hija politika ekonomika, edukattiva u tas-saħħa. 

Kif għamilna tul dawn l-aħħar ħames snin, se nkomplu ninvestu fikom u f'saħħitkom.  Din hi l-politika u l-viżjoni tagħna. 

Sinjuri,

Investejna b'mod qawwi fis-servizz tas-saħħa tul din il-leġiżlatura.  Sena wara sena żidna l-investiment fis-saħħa kuntrarju għal pajjizi oħra li naqqsu l-investiment tagħhom. Stajna ninvestu għax ħadna d-deċiżjonijiet ekonomiċi t-tajba u responsabbli fil-mument opportun u għax żammejna l-finanzi fis-sod.

Hekk biss stajna nintroduċu mediċini ġodda biex illum qed jingħataw aktar minn 1,300 tip ta' mediċina differenti b'xejn lil aktar minn 100,000 persuna.

Hekk biss investejna biex saru aktar operazzjonijiet f'Mater Dei fejn ilħaqna medja ta' 45,500 operazzjonji fis-sena, 13,000 aktar milli kienu jsiru fl-Isptar San Luqa.

Hekk biss stajna nidħlu fi ftehim mas-settur privat biex pazjenti jinqdew aktar malajr u b'xejn u jħallas il-Gvern.

Hekk biss stajna ninvestu tant fil-ġlieda kontra l-kanċer.  Qed jinbena ċentru tal-onkoloġija, saħħaħna l-programm nazzjonali tal-breast screening, bdejna wkoll screening tal-musrana l-kbira u żidna l-mediċini li qed jingħataw b'xejn għat-trattament tal-kanċer.

Hekk biss stajna ninvestu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fil-bini tas-swali tal-operazzjonijiet il-ġodda u fit-twaqqif tad-dipartiment tar-radjoloġija.

Dawn l-investimenti ma kinux ikunu possibbli kieku ma kellniex ekonomija b'saħħitha li toħloq ix-xogħol u finanzi fis-sod.  Xejn ma jiġri b'kumbinazzjoni, l-anqas l-investiment fis-settur tas-saħħa.

Għalhekk il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija u joħloq aktar xogħol.  Irridu nkomplu ninvestu fis-saħħa biex f'dan is-settur, speċjalment dak primarju, ikollna qabża oħra ta' kwalità.

Fost l-oħrajn se nagħtu prijorità lill-kura primarja.  Se jinbnew żewġ ċentri reġjonali ġodda f'San Ġiljan u f'Raħal Ġdid li se jkunu qed joffru firxa wiesgħa ta' servizzi tas-saħħa.  Se nkunu qed inwettqu wkoll proġetti ta' mmodernizzar u tisbiħ taċ-Ċentri kollha tas-saħħa.  Nemmnu li se nkunu qed noffru katina sħiħa ta' servizzi fuq livell primarju sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum u b'xejn.

Fl-istess ħin se nkunu qed niftħu ċentru tar-rijabilitazzjoni, insaħħu l-ġlieda kontra d-dijabete sabiex pajjiżna jsir ċentru ta' eċċellenza f'dan il-qasam u nkomplu nsaħħu l-ġlieda tagħna kontra l-kanċer.  Se nkomplu nżidu s-servizzi tas-saħħa li noffru b'xejn flimkien mal-privat.  Kif għamilna tul din il-leġiżlatura se nkunu qed inkomplu ninvestu fis-sistema tas-saħħa f’Għawdex bit-twaqqif ta' aktar servizzi u ta' aktar investiment fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Hekk kif investejna aktar minn 50 miljun ewro mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fis-saħħa, se nkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies permezz ta' aktar fondi ewropej.

Sinjuri

Is-saħħa għall-Gvern hi prijorità. 

Dan l-investiment li tlesta u dak li għaddej fiċ-Ċentru tar-Rabat ikompli jixhed dan l-impenn tagħna bil-fatti.

Impenn li l-Gvern kommess li jsostni fil-ħames snin li ġejjin.

Dan l-investiment jingħaqad mal-oħrajn li għamilna u kollha jixhdu l-qabża ta' kwalità li qed nagħmlu fis-servizz tas-saħħa għall-ġid tal-pazjenti u tal-qraba tagħhom.

Hekk se nkomplu nagħmlu għax saħħtek għal qalbna.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow