INAWGURAT L-ISTAZZJON GĦAR-RIĊERKA TAL-VITIKULTURA U L-ENOLOĠIJA FIL-BUSKETT
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Assistent Parlamentari Philip Mifsud inawgura l-istazzjon għar-riċerka tal-Vitikultura u l-Enoloġija fil-Buskett. Dan il-post għandu jservi biex aktar żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikunu dedikati għar-riċerka f’suġġett daqshekk interessanti, filwaqt li dan iċ-ċentru se jgħin biex iservi ta’ post ta’ kontrolli xjentifiċi, biex ikun assigurat li l-prodott li qed jasal għall-konsum tan-nies ikun konformi mal-liġijiet u r-regolamenti.
Il-Ministru Pullicino fid-diskors tal-inawgurazzjoni rringrazzja lil kul min jaħdem f’dan is-settur b’mod partikolari lil bdiewa li mingħandhom jitkabbar l-għeneb għall-għasir. Hu qal li llum il-Ministeru għandu fi ħdanu fergħa tal-vitikultura u enoloġija mgħammra b’nies esperti u li kontinwament qegħda tissaħħaħ.
Issa b’dan l-investiment li qed ikun inawgurat illum hemm bżonn ta’ aktar għarfien fuq l-inbid lokali. Dan iċ-ċentru qiegħed isir b’investiment ta’ ’l fuq minn €500,000 b’kofinanzjament ta’ 85% mill-progrmm inter-reġjonali Pro Med Italia/Malta u fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Pullicino temm jgħid li r-riċerka hi ċ-ċavetta tas-suċċess f’kull settur ta’ intrapriża. Il-biedja mhix eċċezzjoni, speċjalment meta titratta dwar settur daqshekk strateġiku għall-pajjiż, dak tal-vitikultura u l-produzzjoni tal-inbid. Il-Ministru Pullicino appella lill-konsumatur Malti u Għawdxi biex jemmen fil-prodott lokali.
L-Onor. Philip Mifsud qal li l-inbid fil-gżejjer Maltin għandu storja antika ħafna; mill-inqas 3000 sena, bl-ewwel stazzjon Malti sperimentali għas-settur tal-vitikultura u l-enoloġija twaqqaf fil-Buskett fil-bidu tas-snin sittin.
Huwa qal li bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ddaħħlu numru ta’ regolamenti ġodda f’dan is-settur, li fiċ-ċentru tagħhom għandhom l-interess tal-konsumatur u tal-bidwi.
Dan wassal biex f’pajjiżna għandna sistema lokali ta’ kwalifikazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalita D.O.K. u I.G.T. b’80 inbid D.O.K. magħmul f’pajjiżna. Bħala garanzija ta’ kwalità qed tintuża wkoll sistema ta’ banderols mal-fliexken tal-inbid biex il-konsumatur ikollu garanzija li l-inbid li qed jixtri hu lokali u ta’ kwalità. L-Onor Philip Mifsud temm billi rringrazzja lil kul min jaħdem f’dan is-settur u awgura li dan iċ-ċentru jkompli jkabbar l-għarfien dwar l-inbid filwaqt li jservi wkoll ta’ attrazzjoni biex it-turisti jkunu miftuħa iżjed għal prodott agrikolu Malti.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en