DISKORS TAL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TA’ MQABBA HERITAGE ROUTE. PJAZZA ĠUBLEW TAD-DJAMANTI, MQABBA. IL-ĠIMGĦA 1 TA’ MARZU 2013
Sinjuri,
L-okkażjoni tal-lum hi waħda mill-iktar sinjifikanti għal-lokalita’ tal-Imqabba. Lokalita’ meqjusa żgħira li għal darb’oħra għarfet tisfrutta l-potenzjal ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti biex twettaq proġett ta’ ġid għal-lokalita’ llum imma anke għall-ġejjieni.
Kif stajna nsegwu fid-diskors tas-Sindku Noel Galea, li elenka wħud mill-inizjattivi prinċipali ta’ dan il-proġett, dan li qed ninawguraw illum hu eżempju mill-iktar prattiku ta’ kif lokalita’ tista’ tinkoraġixxi l-iżvilupp sostenibbli. Qed nirreferi għall-aħjar użu tal-potenzjal tal-Imqabba fejn jidħol it-turiżmu għas-sena kollha - bil-ħolqien ta’ din ir-rotta kulturali li tinżeġ f’katina waħda wħud mill-attrazzjonijiet storiċi, kulturali u turistiċi ta’ dan ir-raħal - imma wkoll, u forsi iktar importanti minn hekk, l-għarfien tal-identita’ kulturali u l-preservazzjoni tal-għeruq tagħna.
B’mod sinjifikanti ma nistax ma nirreferix għat-tisbiħ li sar f’parti mill-heritage trail, is-sejba ġdida ta’ katakombi li issa nafu iktar dwarhom, il-ħolqien ta’ website li tippromwovi ferm iktar il-wirt storiku tal-Imqabba u l-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb li jgħin biex dak li jkun iżur din il-lokalita’ u japprezzaha ferm iktar.
Sa ftit snin ilu l-Kunsilli Lokali tagħna ma kinux joħolmu li jwettqu proġett bħal dan li għamel il-Kunsill Lokali tal-Imqabba fir-raħal tagħhom, li b’investiment ta’ iktar minn €600,000, li kważi €450,000 minnhom ġew mill-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar ftit snin b’mod partikolari, minbarra ż-żieda fil-finanzi kull sena li l-Gvern jagħti lill-Kunsilli Lokali, rajna qawmien f’dawk li huma proġetti li qed jitwettqu minn kunsilli lokali b’fondi tal-UE, u ma nistax ma nsemmix ukoll, minn għaqdiet mhux governattivi.
Meta jiena nħtart għall-ewwel darba membru fil-Kabinett ħames snin ilu, u ngħatajt ir-responsabilta’ ta’ Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli fost l-oħrajn mill-Konsultazzjoni, wara li waqqaft mill-ġdid il-MEUSAC ridt li dan ikun strument iktar utli minn dak li kien sa dakinhar.
Hu minnu li l-konsultazzjoni dwar policies tal-UE hu importanti ħafna għal pajjiżna u kien imperattiv li dan jitkompla, imma jiena xtaqt ukoll li l-MEUSAC ikollu rwol iktar attiv f’dawk li huma l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal min forsi m’għandux is-saħħa finanzjarja li jmur għand konsulent privat u allura jidħol fi spiża qabel ikollu l-flus f’idejh. Għalhekk, minbarra l-konsultazzjoni l-MEUSAC beda mill-ewwel joffri servizzi ta’ informazzjoni u konsulenza biex għaqdiet u kunsilli lokali jkunu jistgħu jimlew b’suċċess l-applikazzjoni tagħhom biex jakkwistaw fondi mill-UE. Għajnuna li ngħatat b’xejn.
Ma konniex kuntenti. Ridna wkoll li ngħinu lill-Kunsilli Lokali u lill-għaqdiet biex jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom. U għalhekk ħloqna l-Fond għall-Ko-finanzjament li permezz tiegħu l-Gvern qiegħed jgħin lil Kunsilli Lokali u għaqdiet biex iħallsu dik il-parti li l-fondi mill-UE ma jkoprux. F’dan il-każ per eżempju, l-kunsill lokali tal-Imqabba kien se jkollu jara minn fejn se jiffinanzja 25% tal-proġett – il-Gvern fil-fatt għen lil dan il-kunsill biex ikun jista’ jkopri wkoll dik il-parti tal-finanzjament.
B’kollox, mill-2009 sal-lum, il-MEUSAC għen direttament biex bejn Kunsilli Lokali u entitajiet oħra fosthom għaqdiet, jitwettqu 145 proġett b’valur ta’ investiment ta’ iktar minn €18-il miljun.
Biex nagħlaq, jiena rrid nifraħ lill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li kien wieħed minn dawn l-entitajiet li ħoloq proġett li permezz tiegħu jġib ‘il quddiem il-lokalita’ tiegħu u lir-residenti tar-raħal. J’Alla pajjiżna jibqa’ jagħti valur lil-lokalitajiet anke żgħar, lill-postijiet karatteristiċi tagħna li jagħmlu lil Malta pajjiż mill-isbaħ anke għat-turiżmu, u j’Alla nibqgħu f’qagħda finanzjarja f’pajjiżna li nistgħu nkomplu nsostnu dawn l-inizjattivi fil-qalba tal-komunitajiet.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en