STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR
Wara li l-Ministru Jason Azzopardi, flimkien mal-ogħla uffiċjali tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern (TPG), t-Tnejn li għadda ltaqa’ ma’ wħud mill-persuni li għandhom residenza fuq l-art f’San Pawl il-Baħar li l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi għaddew għand il-Gvern wara l-Ftehim tal-1991 u liema art l-Gvern kellu obbligu legali jirreġistra mar-Reġistru tal-Artijiet f’ismu skont il-liġi, hu xieraq li jkunu magħrufa dawn l-iżviluppi:-
a) Kif kien imwiegħed, il-Gvern baqa’ dispost u kommess li jisma’ u li jevalwa t-talbiet tan-nies/residenti fiż-żoni effettwati.
b) Għalhekk matul din il-ġimgħa dawn ir-residenti ġew mistiedna jiltaqgħu mal-uffiċjali tal-TPG u jfornu lid-Dipartiment kull prova jew dokument li juri b’mod konklussiv u reali liema minn din il-medda ta’ art (li kienet ġiet ġreġistrata) ma kellhiex tkun hekk registrata sabiex il-Gvern jirtira r-reġistrazzjoni li kien għamel.
c) Matul din il-ġimgħa saru laqgħat, anke llum stess, fejn ġew preżentati minn uħud mir-residenti kuntratti ta’ akkwist li jmorru lura għal qabel l-1951, u cjoe iktar minn 40 sena qabel ma ġie ffirmat il-ftehim mal-Gvern fl-1991. Dawn il-kuntratti la qatt kienu fil-pussess tal-Gvern u lanqas setgħu qatt kienu peress li kienu fuq art li għaddiet għand il-Gvern fl-1991.
d) Kien kruċjali biex ikun magħruf is-sewwa fuq din l-art li tinġieb prova ta’ akkwist ta’ iktar minn 40 sena qabel il-Ftehim mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi tal-1991 minħabba l-liġi tal-preskrizzjoni ta’ 40 sena.
e) Issa sar magħruf u ppruvat li minħabba l-preskrizzjoni kontra l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi hemm medda art li qatt ma setgħet tgħaddi għand il-Gvern għax ma kellha qatt tkun tal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi;
f) Għalhekk illum stess l-Ministru Azzopardi ta struzzjoni lid-Dipartiment Propjetà tal-Gvern biex illum stess dan jissottometti applikazzjoni mar-Reġistru tal-Artijiet sabiex titneħħa r-reġistrazzjoni fuq parti sostanzjali tal-art effettwata, li tammonta għal 14,710 metru kwadru (14-il tomna ċirca) minn reġistrazzjoni fuq isem il-Gvern. Dan l-avviż uffiċjali ser jidher fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar it-Tnejn, 4 ta’ Marzu 2013. Annessa ma’ din l-istqarrija hemm pjanta tal-art li mhux ser tibqa’ f’isem il-Gvern b’effett minn nhar it-Tnejn li ġej.
g) Il-Gvern jibqa’ impenjat li jaċċetta u li jgħarbel kull dokument jew prova simili fuq il-kumplament tal-artijiet in kwistjoni. Sakemm dan ma jsirx, il-Gvern ma jkollu ebda dritt jew awtorità li jirtira xi reġistrazzjoni fuq il-kumplament tal-artijiet. Fl-istess ħin il-Gvern qed itenni u jikkonferma l-iskema li ġiet imħabbra f’Novembru 2012 li tippermetti lil dawk ir-residenti li għandhom proprjetà fuq l-art li għadha taħt reġistrazzjoni f’isem il-Gvern biex ikunu jistgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.
h) Din l-iskema ser tibqa’ miftuħa u m’għandiex data tal-għeluq;
i) Il-Gvern mhu ser jiehu l-ebda azzjoni kontra min għandu propjetà fiż-żoni effettwati proprju għax għandu kuxjenza soċjali;
B’dan il-mod il-Gvern qed juri li fl-istess waqt li jassumi d-dmirijiet tiegħu skont il-liġi, lest jagħti widen u raġun lil min ħaqqu skont il-liġi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en
pr0334a.pdf