INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TA’ TAĦRIĠ TA’ YOUTH.INC U TAL-YOUTH HUB
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli dalgħodu inawguraw iċ-Ċentru tat-Taħriġ tal- programm Youth. Inc u Youth Hub fil-kumpless Umberto Colosso f’Santa Venera.
F’diskors li għamlet il-Ministru Cristina qalet li din l-inizjattiva sentejn biss wara li kienet imnedija f’Jannar tal-2011, diġa’ bdiet tagħti r-riżultati.
Permezz ta’ dan il-programm, aktar minn 140 ġuvni u tfajla fl-eta’ bejn is-16 u l-21 sena ingħataw ċans ġdid biex ikollhom futur aħjar u fil-fatt 28 minnhom diġa daħlu fis-suq tax-xogħol u sabu impjieg permanenti.
Bħalissa hemm 63 persuna f’dan il-programm, immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Programm li jinkorpora fih taħriġ akkademiku u vokazzjonali mifrux fuq perjodu ta’ sentejn li jwassal għal kwalifika rikonoxxuta taħt il-Qafas Nazzjonali għall- Kwalifiki fl-Ewwel u t-Tieni Livell.
Il-programm huwa miftuħ għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena li ma rnexxilhomx ikomplu l-istudji tagħhom, primarjament minħabba li ma baqgħux jattendu l-iskola jew ma kellhomx biżżejjed riżultati tajba tas-SEC. Barra minn hekk il-programm huwa miftuħ ukoll għall-studenti li għandhom impjieg part-time iżda jixtiequ li jkollhom iżjed opportunitajiet li jgħinuhom javvanzaw fil-karriera tagħhom.
Il-Gvern qed jinvesti f’dawn iż-żgħażagħ mhux biss billi joffrilhom din l-opportunita’ ta’ tagħlim u taħriġ imma billi bħal studenti li jattendu f’istituzzjonijiet post-sekondarji edukattivi oħra, iż-żgħażagħ fil-Youth.Inc ukoll qed tieħdu l-istipendju.
Youth.Inc huwa mfassal biex liż-żgħażagħ jgħinhom biex b’mod attiv jinvolvu ruħkom fit-tagħlim u jrid iservi ta’ opportunità biex huma jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li għandhom bżonn permezz ta’ tagħlim formali u mhux formali.
“Aħna rridu li intom u żgħażagħ oħra bħalkom li għal raġunijiet differenti ma rnexxielkomx tiksbu mill-ewwel il-ħiliet meħtieġa biex tidħlu fid-dinja tax-xogħol, tingħataw opportunitajiet oħra biex takkwistaw it-taħriġ li għandkom bżonn biex intom ukoll tkunu tistgħu ssibu impjieg li jagħtikom dinjita’ u joffrilkom futur aħjar”, qalet il-Ministru Cristina.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en