ARRANĠAMENTI BIEX PAZJENTI FL-ISPTARIJIET JIVVUTAW FL-ELEZZJONI ĠENERALI U FL-ELEZZJONIJIET TAL-KUNSILLI LOKALI F’MARZU 2013
Proċess tal-Votazzjoni fl-isptarijiet
Id-Dipartiment tas-Saħħa jgħarraf li wara tibdil fil-leġislazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali, saru dawn l-arranġamenti li ġejjin sabiex il-votazzjoni minn pazjenti fl-isptarijiet tal-Gvern timxi bl-ordni.
Pazjenti rikoverati sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013
Għall-ewwel darba, pazjenti li jkunu rikoverti fl-isptarijiet ta’ Mater Dei, Monte Karmeli, l-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013, għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod iehor, ser jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija. Il-votazzjoni ser issir il-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu 2013 bejn 07:00 ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.
Pazjenti rikoverati wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013
Pazjenti li jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei, l-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, l-isptar Monte Karmeli u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013, kif ukoll pazjenti u residenti fl-isptar Boffa u fid-diversi Djar tal-Anzjani ser jivvutaw fil-jum tas-Sibt, 9 ta’ Marzu, fil-bliet u l-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.
It-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent, ser jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħrog mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport.
Il-pazjenti jkollhom l-għazla li jinqdew bis-servizzi li ser joffri d-Dipartiment sabiex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura, jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati lejn u lura, minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.
F’kull sptar fejn il-qraba ser iwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li dawn l-istess qraba jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-Amministratur ta’ l-isptar li fiħ il-pazjent/a hu/hi rikoverat/a. F'jum il-votazzjoni, jigifieri is-Sibt, 9 ta’ Marzu 2013, dan il-permess irid jintwera l-ewwel lill-uffiċjal tas-sigurta’ tal-isptar sabiex l-individwu jkollhu aċċess għall-isptar, u mbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess u jiġi evitat dewmien żejjed, hu mitlub li qraba li jiġbru lill-pazjenti huma nnifishom, jagħmlu dan mis-siegħa ta’ wara nofs in-nhar il-quddiem.
Fil-każ ta’ pazjenti li joħorġu biex jivvutaw kontra l-parir tat-tabib konsulent jew li ma jieħdux il-parir mogħti lilhom rigward il-mezz tat-trasport jew akkumpanjament, ikun meħtieġ li l-pazjent jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jagħmel hekk fuq responsabbilità tiegħu innifsu. Jekk jagħmel hekk, ikun jista’ jmur b’liema mezz li jagħżel.
Id-dokument għall-votazzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali u l-Kunsilli Lokali
Il-pazjenti huma mfakkra li biex joħorġu jivvutaw għandu jkollhom f'idejhom id-Dokumenti għall-Votazzjoni. Il-qraba li għandhom f’idejhom id-dokument għall-votazzjoni tal-pazjenti huma mitluba li jagħtu d-dokument lill-pazjent/a. Saru arranġamenti amministrattivi biex pazjenti li jixtiequ jafdaw id-Dokumenti għall-Votazzjoni f'idejn l-Awtoritajiet ta’ l-Isptar jew f’idejn ic-Chairperson tas-Sottokumitat imwaqqaf apposta mill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li tiġi garantita is-sigurtà ta' dawn id-dokumenti.
Servizzi tas-Saħħa
Fil-jum tal-votazzjoni, is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji u fiċ-Ċentri tas-Saħħa ser ikomplu għaddejjin bħas-soltu.
Ħinijiet tal-Viżitaturi fil-Jum għall-Votazzjoni
Minħabba li l-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu 2013, ser ikun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi ser ikun ristrett kif imsemmi hawn isfel:
Fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, il-ħin tal-viżitaturi ser ikun ristrett għal siegħa, bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.
Fir-Residenza San Vincenz, fl-Isptar Monte Karmeli, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fid-diversi Djar ta' l-Anzjani, mhux ser ikun hemm ħin tal-viżitaturi.
Il-ħin tal-viżitaturi fl-Isptar Boffa ser jibqa l-istess.
F’każ ta’ problemi u dubji, il-pubbliku hu mitlub jikkomunika mas-sezzjoni tal-Customer Care jew l-amministrazzjoni fl-entita kkonċernata.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en