IFFIRMAT FTEHIM MA’ INSPIRE
Il-Gvern intrabat li jagħti s-somma ta’ €840,000 kull sena lill-Fondazzjoni Inspire biex tagħti servizzi lil persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan il-ftehim hu għal perjodu ta’ tliet snin u kull sena l-ammont ta’ flus lil Inspire jiżdied b’5%.
Il-ftehim kien iffirmat illum minn Dr. James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u Nathan Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Inspire, fil-preżenza tal-Ministru Dolores Cristina.
Il-Gvern ilu snin jaħdem b’mod dirett mal-Inspire li toffri programmi u servizzi speċjalizzati għal tfal u żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali. Dan il-ftehim hu frott tal-esperjenza li kellna mal-Inspire tul dawn l-aħħar snin u fil-fatt qed jibni fuq ftehim ieħor li diġà kien hemm biex ikun żgurat li aktar studenti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern se jaħdem f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Inspire biex studenti bi bżonnijiet speċjali jingħataw servizz tal-ogħla kwalità skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom.
Jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim studenti sa minn età żgħira sakemm idumu fl-edukazzjoni obbligatorja li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti.
Dan ifisser li kull tifel u tifla li jiġu riferuti mid-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudenti għas-servizzi ta’ Inspire jistgħu jibbenefikaw minn programmi li jiswew bejn EUR 2,454 u EUR 6,872 għal kull tifel u tifla fis-sena.
Il-Gvern qed jgħin lill-familji li għandhom tfal bi bżonnijiet speċjali billi qed jagħtihom sussidju ta’ 76% biex uliedhom ikunu jistgħu jattendu programmi adattati skont il-bżonnijiet tagħhom. B’hekk inkunu qed ngħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom filwaqt li jintegraw aħjar fis-soċjetà.
Il-Ministru Cristina spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern mhux qiegħed jikkommetti ruħu b’numru ta’ tfal li ser jibbenefikaw minn dan is-servizz imma l-għan huwa li l-ammont ta’ fondi allokati jintużaw bl-aħjar mod biex ikun hemm aktar flessibilità u b’hekk aktar studenti jkunu jistgħu jieħdu s-servizz skont il-bżonnijiet tagħhom.
Il-ftehim ma jonqosx ukoll li jassigura li jkun hemm aktar kontabilità għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawn huma flus pubbliċi u huma suġġetti għal skrutinju biex naraw li l-flus qed jintefqu tajjeb u s-servizz qed jingħata.
Dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-politika ta’ dan il-Gvern li nħarsu lejn l-iżvilupp tal-istudenti tagħna b’mod ħolistiku u għalhekk il-Gvern qed jixtri dawn is-servizzi mingħand l-Inspire biex nipprovdu dejjem aktar servizzi li jilħqu l-ħtiġijiet tal-istudenti. B’hekk qed nassiguraw aktar inklużjoni kemm fl-iskola u kemm fil-komunità.
Il-Ministru Cristina fakkret li llum il-parti l-kbira tat-tfal bi bżonnijiet speċjali huma integrati fl-iskejjel mainstream u fil-fatt Malta għandha l-inqas rata fl-Ewropa ta’ tfal li jmorru fi skejjel mhux mainstream.
Il-Ministru faħħret il-ħidma tal-għaqdiet volontarji li f’Malta huma ħafna u jagħmlu xogħol siewi ferm f’diversi oqsma u sostniet li kieku ma kienx għal dawn l-għaqdiet, l-Istat waħdu ma jkunx jista’ joffri s-servizzi kollha li jingħataw minn dawn l-għaqdiet.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en