IMNEDIJA UFFIĊJALMENT IL-KAMPANJA PUBBLIĊITARJA TAL-AWTORITÀ GĦALL-KOMPETIZZJONI U L-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret kmieni waranofsinhar, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi nieda l-kampanja pubbliċitarja ta’ informazzjoni u għarfien dwar id-drittijiet u d-dmirijiet li jħaddnu l- konsumaturi Maltin u Għawdxin. Il-Ministru spjega li l-progett globali jilħaq il-€534,024, liema fondi huma ko-finanzjati b’85% mill-Unjoni Ewropea u 15 % mill-Gvern Ċentrali.
Spjega li l-kampanja ta’ għarfien għall-pubbliku in ġenerali se tkun iffukata fuq il-liġijiet tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq id-dmirijiet u d-drittijiet tal-konsumatur u l-kummerċjanti. Spjega li l-iskop wara din il-kampanja, huwa li jsir reklamar filgħaxija fuq it-televixin sabiex l-Awtorità tkun tista tilħaq ukoll studenti u ħaddiema li ma jistgħux isegwu lill-uffiċjali tal-Awtorità fi programmi ta’ matul il-ġurnata. Dan se jsir, spjega l-Ministru, sabiex jitkabbar l-għarfien fost dan is-settur ta’ konsumaturi li għandhom nuqqas ta’ informazzjoni dwar ix-xogħol li twettaq l-Awtorità.
Is-suġġetti li se jkopru din il-kampanja ta’ għarfien jinkludu fost l-oħrajn:drittijiet tal-Passiġġieri ta’ l-Ajru li jinkludu wkoll dawk il-passiġġieri b’diżabilità jew nuqqas ta’ mobilità, il-garanziji tal-konsumatur, bejgħ mill-bogħod (bħal xiri mill-internet; permezz ta’ katalgi; mit-televixin; eċċ), sigurtà ta’ prodott, kreditu tal-Konsumatur u self għal dar. Il-kampanja ser tinkludi wkoll fuljetti dwar dawn is-suggetti.
Barra minn hekk il-Ministru Azzopardi qal li se jsir taħriġ tal-Uffiċjali tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur li se jitmexxa minn uffiċjali għolja tal-Awtorità Taljana, l-Autorità Garante della Concorrenza del Mercato. L-għan tat-taħriġ huwa li dawn l-uffiċjali jgħaddu l-esperjenza tagħhom biex jikber l-għarfien u l-kapaċitajiet tal-uffiċjali Maltin li jaħdmu fil-qasam tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni, fil-qadi tad-dmirijiethom u jissaħħu s-servizzi li tipprovdi l-Awtorità.
Se ssir ukoll promozzjoni tal-iskema Trust Mark li diġà giet mnedija ftit taż-żmien ilu. Din l-iskema hija kodiċi ta’ kondotta fejn in-negozjant jintrabat li jimxi magħha sabiex jagħti servizz aħjar lill-konsumaturi. Permezz ta’ tali skema, n-negozji jintrabtu biex fost l-oħrajn jippromwovu relazzjoni tajba mal-konsumatur, jiżguraw li l-fond kummerċjali huwa aċċessibbli u sigur u jifhmu tajjeb il-ħtiġijiet tal-konsumatur u jiggwidawhom kif meħtieġ; jassiguraw li l-ilmenti jiġu solvuti fl-iqsar żmien possibbli u jiġi evitat li l-konsumatur jieħu l-każ quddiem it-Triunal għal Talbiet tal-Konsumatur. Il-Ministru Azzopardi qal li l-parteċipazzjoni tal-kummerċjanti u n-negozji fil-kodiċi ta’ kondotta Trust You, tirrendi prattiċi ġusti fost in-negozju għall-benefiċċju tal-konsumatur kif ukoll tan-negozjant.
Ic-Chairman tal-MCCAA, is-Sur Francis Farrugia spjega wkoll li se jsiru ħames seminars, erba’ f’Malta u wieħed f’Għawdex fejn fost oħrajn ser jiġu diskussi s-suġġetti dwar it-tibdil fil-liġijiet, is-servizzi offruti mill-Awtorità, kif ukoll dwar kompetizzjoni ġusta.
Fl-aħħarnett il-Ministru Azzopardi qal li dawn l-inizjattivi se jkunu qed jgħinu biex tinħoloq kuxjenza akbar fost il-konsumaturi. Huwa qal li huwa fl-interess tal-Gvern, li kontinwament jeduka lill-konsumatur dwar id-dmirijiet u d-drittijiet li huma jħaddnu. Qal li permezz tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna se jibqa javvanza u jimxi ‘l quddiem f’kull settur u dan sabiex Malta tigarantixxi li toffri l-aħjar servizzi liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en