INIZJATTIVA OĦRA FAVUR UŻU AKTAR SOSTENIBBLI TAL-ILMA F’GĦAWDEX
Ir-residenzi kollha fil-lokalitajiet f’Għawdex din il-ġimgħa bdew jirċievu water saving kits bil-għan li l-poplu Għawdxi jagħmel użu aktar sostenibbli tal-ilma filwaqt li jiġi kkonservat ukoll l-ilma tal-pjan. Din l-inizjattiva hija parti mill-proġett Sustainable Domestic Water Use in Mediterranean Regions (SWMED) li hu kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ENPI CBC MED. Il-Ministeru għal Għawdex huwa wieħed mill-imsieħba f’dan il-proġett li ser iwassal għat-twettieq ta’ inizjattiva oħra mill-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex.
B’kollox ser jitqassmu madwar 30,000 apparat fi tnax-il elf kit, li jistgħu jintużaw f’diversi kmamar fosthom fil-kċina u l-kamra tal-banju. Kull lokalità ser tkun qed tirċievi apparati differenti li jinkludu apparat li jżomm il-ħin fix-xawer, borża li tkejjel il-fluss tal-ilma, tagħmir li jnaqqas il-pressa tal-ilma fil-vit tal-kċina u fil-vit tas-sink tal-banju, swiċċ għal max-xawer, borża biex tiffranka l-ilma mill-flaxing u apparat li jvarja l-fluss tal-ilma fil-vit tal-kċina.
Kull familja f’Għawdex ser tkun qed tirċievi vawċer li jintitolahom għal water-saving kit b’xejn, u eventwalment individwi awtorizzati ser ikunu qed iqassmu dawn il-kits bieb bieb. Kull resident irid jippreżenta l-vawċer li waslilhom bil-posta bi skambju għal dan il-kit.
Bħala parti min dan il-proġett, l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi flimkien mal-Ministeru għal Għawdex ser ikunu qed janalizzaw it-tnaqqis fil-konsum tal-ilma wara t-tqassim ta’ dawn il-kits, bl-intenzjoni li l-iktar kits effettivi jiġu implimentati fuq bażi nazzjonali u fil-firxa tar-reġjuni Mediterranji.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li dan mhuwiex l-uniku proġett f’Għawdex relatat mal-konservazzjoni u użu aktar sostenibbli tal-ilma. Proġetti u inizjattivi oħra matul din il-leġiżlatura kienu jinkludu tqassim ta’ water aerator f’kull dar f’Għawdex, tindif ta’ diversi widien u lqugħ tal-ilma li wasslu biex il-ħażna tal-ilma tax-xita żdiedet bi 43 miljun litru, kampanja ta’ informazzjoni f’kull dar f’Għawdex dwar it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-ilma, bini ta’ ġibjuni ġodda permezz ta’ skemi ta’ EkoGħawdex għall-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin, u oħrajn permezz ta’ investiment tal-Fondazzjoni Coca Cola fil-proġett EkoGħawdex.
Il-Ministeru għal Għawdex huwa wieħed mis-seba’ msieħba fil-proġett SWMED u ġie allokat kofinanzjament ta’ aktar minn €120,000 biex iwettaq dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en