Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAĊ-CHILD CARE CENTRE ‘PIZZI PIZZI KANNA’, IN-NAXXAR – IL-ĦAMIS 21 TA’ FRAR, 2013

pr0274
Date Icon 21/02/2013

Onorevoli Ministru,

Ġenituri,

Sinjuri,

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nkun hawn magħkom biex ninawguraw child care centre ieħor f’pajjiżna.

Sodisfazzjon mhux biss bħala Prim Ministru ta’ Gvern li investa tant f’dan il-qasam imma wisq aktar bħala ġenitur ta’ tfal li jaħdmu u li għandhom it-tfal.

Qed nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħafna familji filwaqt li qed noħolqu aktar xogħol u opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna.

Il-familji u l-pajjiż qed igawdu mid-deċiżjoni tagħna li nkomplu ninvestu aktar fil-qasam taċ-child care.

Investejna ħafna tul din il-leġiżlatura sabiex noffru aktar għażla u aktar faċilitajiet lilkom il-familji.  Bħala pajjiż qed niksbu r-riżultati u se nkomplu ninvestu aktar fikom il-familji.

F’dawn il-ħames snin ftaħna disa’ child care centres ġodda inkluż dan tal-lum u se niftħu ieħor f’San Ġwann fil-jiem li ġejjin u se nibnu ċentri oħra fil-Gżira u ż-Żurrieq. 

Pajjiżna għandu xibka ta’ ċentri li qed jagħmlu differenza fil-familji tagħna.  Qed noffru servizz ukoll wara l-iskola permezz ta’ Klabb 3-16 li jiftaħ sas-sitta ta’ filgħaxija.  Mal-15-il ċentru li hemm bħalissa, se niftħu aktar.

Il-Gvern ukoll qiegħed jgħin lil min jimpjega biex jinvesti f’faċilità ta’ child care fuq il-post tax-xogħol.  Dawn l-employers jistgħu jibbenefikaw għal tnaqqis mid-dħul taxxabbli ta’ €20,000.

B’dawn il-miżuri qed nagħtu għażla lill-ġenituri fejn jibagħtu t-tfal tagħhom għax nafu u nifhmu li tridu l-aħjar għal uliedkom.  Aħna wkoll irridu l-aħjar għat-tfal tagħna u għalhekk qed ninvestu fi standards għoljin. 

Qed ninvestu mal-miljun ewro fis-sena fiċ-child care centres u rridu li nkomplu ninvestu aktar fil-ħames snin li ġejjin. 

Gvern immexxi minni se jkun qiegħed jinvesti mal-ħames miljun ewro fis-sena fiċ-child care hekk kif il-ġenituri se jirċievu vouchers li jkunu jistgħu jużawhom biex jibagħtu ‘l uliedhom f’child care centres tal-għażla tagħhom.  Hekk pajjiżna se jkollu faċilitajiet ta’ child care b’xejn għat-tfal kollha.  Se jibbenefikaw minn din il-miżura mhux biss dawk li jaħdmu full-time iżda anki dawk li jaħdmu part- time jew b’ħinijiet flessibbli.  Il-miżura tkopri wkoll dawk it-tfal li qed jitrabbew f’familja b’ġenitur wieħed. 

Il-Gvern qiegħed jinvesti wkoll fikom il-ġenituri u l-familji.  Kulmin jibgħat it-tfal  f’child care centre privat qed igawdi minn tnaqqis ta’ 1,300 ewro mid-dħul taxxabbli.  Aktar minn 2,300 ġenitur qed igawdu minn din l-iskema.  Dan minbarra li żidna ċ-children’s allowance u se nkomplu nżiduha din is-sena wkoll għal 450 ewro għal kull tifel u tifla.

Din il-miżura ma saritx f’iżolament imma hija parti minn programm aktar wiesa’ ta’ tnaqqis tal-income tax għall-familji.  Wara li naqqasna l-income tax għal kulħadd naqqasna aktar għall-ġenituri u din is-sena se nkomplu nnaqqsu r-rata tal-income tax.  Fl-istess ħin medja ta’ 2,800 omm fis-sena qed igawdu minn tnaqqis mit-taxxa hekk kif jirritornaw jew jibqgħu f’impieg. 

Sinjuri,

Il-politika taċ-child care centres tal-Gvern immexxi minni mhux biss qed tagħti sostenn lill-familji tagħna imma wisq aktar għandha rwol importanti għall-ekonomija tagħna.

Ftaħna opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna biex jistudjaw u jaħdmu f’dan il-qasam permezz tal-MCAST.  Illum hemm mal-500 student jistudjaw f’dan il-qasam u li fis-snin li ġejjin se jkunu qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Iċ-child care centres li qed niftħu qegħdin joħolqu x-xogħol kemm waqt il-bini tagħhom u kemm issa li nfetħu u qed joperaw.  Iċ-ċentri qed jgħinu wkoll biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Tul dawn l-aħħar ħames snin, aktar minn 8,500 mara bdew jaħdmu bejn impiegi full-time u part-time u l-miżuri u l-investiment fiċ-child care centres għenu sabiex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  Illum, ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa laħqet l-44% meta fl-2008 kienet 37%. 

Ħloqna 20,000 post tax-xogħol fil-ħames snin li għaddew.  Pajjiżna kellu l-akbar żieda fl-impiegi fl-Unjoni Ewropea u ż-żieda fin-nisa li jaħdmu kienet kontributur importanti.

Sinjuri,

Qed niksbu r-riżultati għax qed nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba.   Xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.

Is-suċċessi huma frott tad-deċiżjonijiet tal-Gvern immexxi minni ta’ fejn u ta’ kif jinvesti.  Se nkunu qed inkomplu ninvestu f’aktar faċilitajiet u l-elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro mill-fondi ewropej se jkunu qed jgħinuna f’dan is-settur ukoll.

Il-Gvern qiegħed jinvesti fit-tfal u fil-familji u dan iċ-child care centre huwa xhieda ta’ dan.

Hekk għamilna tul l-aħħar ħames snin u hekk se nkomplu nagħmlu.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow