Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-QORMI SPORTS & FITNESS PARK, ĦAL QORMI – IT-TLIETA, 19 TA’ FRAR 2013

PR0268
Date Icon 20/02/2013

Onorevoli Segretarju Parlamentari,

Mistiedna distinti,

Familji u residenti,

Huwa ta’ sodisfazzjon għalija bħala Prim Ministru ninawgura proġett ieħor li wettaq il-Gvern favur l-isports u l-familji tagħna.

Sodisfazzjon għax qed niddedikaw ir-riżorsa prezzjuża tagħna tal-art lejn faċilitajiet sportivi u spazji għall-familji tagħna.

Investejna fikom ir-residenti tal-lokalitajiet tagħna u l-familji tagħna.

Investejna u ħloqna x-xogħol.

Fejn gvernijiet ewropej naqqsu l-investiment fl-isports u faċilitaijiet oħra għall- familji minħabba l-kriżi ekonomika, il-Gvern immexxi minni seta’ jinvesti fikom u fil-kwalità tal-ħajja tagħkom fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. 

Irnexxielna għax ħadna d-deċiżjonijiet responsabbli, maturi u b’għaqal fi żminijiet diffiċli.

Frott ta’ dawn id-deċiżjonijiet, illum nistgħu għalhekk ninawguraw proġett ieħor sportiv, rikreattiv u li jsebbaħ il-lokalità filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-assoċjazzjonijiet sportivi tal-lokalità.

Dan il-proġett huwa ħolqa oħra f’katina sħiħa ta’ proġetti u inizjattivi li ħadna biex inżidu l-faċilitajiet sportivi fil-komunitajiet tagħna kif ukoll ta’ investiment fl-assoċjazzjonijiet sportivi.

Dan il-proġett jinkludi outdoor gym u li jingħaqad mal-outdoor gyms li saru f’Ta Qali, f’Ħaż-Żabbar u fil-Mellieħa.  Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jiftaħ aktar minn dawn il-faċilitajiet li għamlu suċċess mar-residenti ta’ kull età.  Se nkomplu nimxu f’din direzzjoni u Gvern immexxi minni huwa kommess li jinvesti f’outdoor gym f’kull lokalità flimkien mat-tisħiħ u upgrading tal-playing fields eżistenti.  Irridu t-tfal tagħna jilagħbu f’ambjent modern u sigur.

Dawn il-faċilitajiet jingħaqdu ma’ faċilitajiet oħra li għandu dan il-park għall-adollexenti kif ukoll għat-tfal iż-żgħar.  Wara s-suċċess tal-adventure park f’ Ta’Qali, li ttrasformajna minn car park, il-Gvern kif ukoll numru ta’ Kunsilli Lokali qegħdin jinvestu f’dawn il-faċilitajiet.

Qegħdin ninvestu l-miljuni f’infrastruttura sportiva speċjalment fil-komunitajiet tagħna għall-benefiċċju tal-għaqdiet lokali.

F’kull skola ġdida li ftaħna kull sena – f’Bormla, Pembroke, Għawdex u l-Mosta -  investejna f’faċilitajiet sportivi tal-ogħla kwalità li qed igawdu minnhom mhux biss l-istudenti u l-għalliema imma anke l-komunitajiet u l-assoċjazzjonijiet.  B’investiment ta’ 7 miljun ewro għall-faċilitajiet sportivi, 41 għaqda sportiva qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tagħna.  Fil-ġimgħat li ġejjin se jkolli l-unur li ninawgura l-iskola l-ġdida f’Tal-Ħandaq, ftit ‘il bogħod minn fejn qegħdin illejla b’investiment ta’ 8 miljun ewro.  Bdejna l-proċess sabiex jinbena Kumpless Sportiv ġdid b’investiment ta’ 3.5 miljun ewro u se jkun mibni fuq il-kunċett tal-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop li ftaħna fl-2012 u li qed igawdu minnu numru ta’ għaqdiet sportivi.

Matul dawn il-ħames snin, il-Gvern ikun ta għajnuna rekord lill-għaqdiet sportivi f’pajjiżna. 

Qed jitkompla l-investiment fil-grawnds tal-futbol imxerrdin ma’ pajjiżna.  B’investiment tal-Gvern bi sħab mal-Malta Football Association, se jkunu saru u ġew żviluppati 52 grawnd tal-futbol.  Ġimagħtejn ilu ħabbarna proġett ġdid li se jagħti faċilitajiet ġodda għad-dixxiplina tar-rugby.  Fl-istess ħin permezz ta’ 26 skema li nedejna tul dawn l-aħħar ħames snin se nkunu investejna 8 miljun ewro fl-għaqdiet sportivi tagħna. 

Dan il-proġett ukoll iħares lejn l-assoċjazzjonijiet tal-lokalità permezz ta’ club house għal klabb tal-hockey kif ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fil-klabb tal-boċċi.  Dan jingħaqad max-xogħol ta’ manutenzjoni f’35 klabb tal-boċċi kif ukoll qiegħed jiġi żviluppat l-ewwel indoor pitch tal-boċċi f’Malta.

Irridu aktar għaqdiet ikomplu jiżviluppaw l-art tagħhom u fil-ħames snin li ġejjin  Gvern immexxi minni se jkun qiegħed jassisti l-għaqdiet jissieħbu mal-privat sabiex jiżviluppaw l-art tagħhom.

Irridu nkomplu nibnu fuq dawn is-suċċessi.

Permezz tal-elf mija u tmienja u għoxrin miljun ewro li l-Gvern immexxi minni kiseb mill-fondi ewropej wara negozjati diffiċli, aħna kommessi li nkomplu ninvestuhom fil-familji tagħna.  Se nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedna, fis-saħħa tagħna kif ukoll fil-Kunsilli Lokali sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Dawn il-proġetti kollha qed jgħinu biex pajjiżna joħloq ix-xogħol. 

Tapprezzaw li dan il-proġett u tant proġetti oħra fil-qasam sportiv saru minn numru ta’ ħaddiema.  L-investiment fl-isports u fil-kumplessi sportivi qed iwassal għal ħolqien tax-xogħol mhux biss fil-bini imma wkoll fil-manutenzjoni kif ukoll f’gym instructors. 

Kull proġett li għamilna ħoloq ix-xogħol.

Għalhekk pajjiżna rnexxielu joħloq 20,000 post tax-xogħol u kommesi li nkompli ninvestu fil-proġetti sabiex noħolqu aktar postijiet tax-xogħol.

Kommessi li noħolqu 25,000 fil-ħames snin li ġejjin għax hekk għandu bżonn il-pajjiż.  Kif irnexxielna tul dawn l-aħħar ħames snin, jirnexxielna wkoll fis-snin li ġejjien.

Sinjuri,

L-attività tal-lejla tixhed l-impenn tagħna lejn il-faċilitajiet sportivi u rikreattivi fil-lokalitajiet tagħna. 

Tixhed ukoll il-ħidma kollaborattiva bejn il-Gvern u l-assoċjazzjonijiet sportivi f’ Malta u l-investiment li qed nagħmlu fihom.

Fuq kollox, l-attività tal-lejla hi ċelebrazzjoni ta’ investiment fit-tfal tagħna, fiż-żgħażagħ tagħna, fil-lokalitajiet tagħna u fil-pajjiż.

Il-Gvern qiegħed irodd lill-komunità Qormija spazju u faċilitajiet sportivi għall-użu tagħkom ilkoll.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow