JINGĦATA BIDU GĦALL-GOZO WEEK FIL-KAMPUS TAL-UNIVERSITÀ TA’ MALTA
Fil-Kampus tal-Università ta’ Malta qed jittella’ l-GOZO WEEK, li qed jiġi organizzat mill-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex żaret lill-istudenti Għawdxin fil-Kampus tal-Universita’ ta’ Malta, u fetħet din il-ġimgħa ta’ attivitajiet, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-vuċi taż-żgħażagħ Għawdxin u toħloqilhom aktar opportunitajiet. Fuq il-Kampus tal-Università wieħed jista’ jsib diversi stands li qegħdin jippromwovu dak kollu li hu Għawdxi – kultura, tradizzjonijiet, arti u gastronomija. Matul din il-ġimgħa ser jittellgħu wkoll diversi taħdidiet u dibattiti dwar temi kurrenti kif ukoll dwar l-istudenti u ż-żgħażagħ Għawdxin. Il-programm ta’ attivitajiet ser ikun imżewwaq b’wirjiet tal-arti, mużika live minn Divine Sinners, DJ Jello, Beyond Return,DJ Pepper, DJ Wobis u The Novel, u bejgħ ta’ ikel tipiku Għawdxi. Ser tingħata wkoll informazzjoni dwar il-gżira ta’ Għawdex.
Il-Ministru Giovanna Debono ltaqgħet mal-istudenti membri tal-kumitat ta’ tmexxija tal-GUG u faħħret l-impenn kontinwu ta’ dan il-grupp b’risq l-istudenti Għawdxin li jattendu korsijiet fl-Università ta’ Malta kif ukoll fiċ-Ċentri tal-MCAST u l-ITS f’Malta. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal fatt li f’temp ta’ għaxar snin, l-istudenti Għawdxin li jattendu l-Università ta’ Malta huma aktar mid-doppju. Il-Ministru għal Għawdex qalet li xhieda tal-impenn tal-Ministeru għal Għawdex b’risq l-edukazzjoni u b’mod partikolari b’risq l-istudenti Għawdxin f’Malta, hija ż-żieda fl-għajnuna addizzjonali li tingħata lil dawn l-istudenti. Permezz ta’ din l-għajnuna, l-istudenti kollha Għawdxin li jistudjaw Malta jieħdu €1,200 fis-sena, erba’ darbiet aktar minn 20 sena ilu. Żiedet tgħid li f’dawn l-aħħar 12-il sena, din l-għajnuna addizzjonali laħqet kważi is-7 miljun ewro.
L-Onor. Giovanna Debono qalet ukoll li l-Gvern ser jissokta bl-impenn tiegħu biex jiffaċilita l-ħajja tal-istudenti Għawdxin f’Malta u jagħmel arranġamenti biex dawn l-istudenti jersqu għall-eżamijiet tagħhom f’Għawdex. Hija semmiet kif fis-sena akkademika li għaddiet, saru 71 sessjoni ta’ eżamijiet fil-Kampus tal-Università f’Għawdex.
Aktar informazzjoni dwar il-Grupp Universitarji Għawdxin tista’ tinkiseb fuq www.gug.org.mt.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en